Il-Bajja tar-Ramla l-Ħamra mnaddfa mill-ġebel żejjed
Wara li nkisbet l-awtorizzazzjoni tal-Fondazzjoni GAIA u ta’ l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-MEPA, ħaddiema mis-Sezzjoni ta’ l-Indafa fix-Xtut fid-Dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, setgħu jibdew bit-tindif ta’ ġebel u ċagħaq kbir fil-Bajja tar-Ramla l-Ħamra f’Għawdex.
Il-kurrenti qawwija u l-maltemp li jaħkmu lil din il-bajja fix-Xitwa jikkawżaw li x-xtajta timtela’ b’ġebel u ċagħaq. Din is-sena ġie nnutat ammont aktar qawwi ta’ ġebel li għatta parti kbira mix-xtajta tar-ramel ħamrani li għalih hija magħrufa din il-bajja.
It-taqsima ta’ l-Indafa fix-Xtut hija impenjata biex jiġu mnaddfa x-xtajtiet anki minn inkonvenjenti bħal dawn. Mill-banda l-oħra, għaqdiet u entitajiet li jaħdmu favur il-ħarsien ta’ l-ambjent, iridu jassiguraw li l-ambjenti naturali u s-sistemi ekoloġiċi jiġu protetti. Għalhekk hu meħtieġ li dawn l-entitajiet jawtorizzaw xogħol ta’ din in-natura.
Fil-fatt, uffiċċjali mill-Fondazzjoni GAIA u mill-MEPA ssorveljaw ix-xogħol li kienu qed jagħmlu ħaddiema ta’ l-Indafa fix-Xtut mill-Ministeru għal Għawdex. Kien irrakkomandat li l-ġebel u ċ-ċagħaq jiġi mirdum u jitgħatta bir-ramel. Waqt il-proċess ta’ tindif, ġiet assigurata wkoll il-protezzjoni tar-ramel.
Il-Ministeru għal Għawdex jikkollabora mal-Kunsilli Lokali responsabbli mill-bajjiet biex dawn jinżammu nodfa u li ma joffru l-ebda inkonvenjent lill-pubbliku b’mod partikolari fl-istaġun ta’ l-għawm.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990