KONFERENZA STAMPA MILL-ONOR. DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, XOGHOL U L-FAMILJA, DWAR L-ISKEMA S.T.E.P.S.: “DIN IS-SENA BISS SE JINGĦATAW 430 BORŻA TA’ STUDJU”
Il-kriżi ekonomika u finanzjarja li d-dinja kollha għaddiet minnha f’dawn l-aħħar sentejn, għallmitna nħarsu b’mod differenti lejn il-ġejjieni. L-Unjoni Ewropea ippublikat l-istrateġija tagħha, permezz tad-dokument “Europe 2020”. L-Unjoni Ewropea qegħda twissi lill-pajjiżi membri li sal-2020, mas-16-il miljun impjieg ġdid se jkunu jenħtieġu kwalifiki ogħla minn dawk meħtieġa llum, filwaqt li mpjiegi li jinħtieġu ħiliet relativament baxxi, se jonqsu bi 12-il miljun.
Malta wkoll trid tiffaċċja realtajiet bħal dawn. Mingħajr ma noqgħod indoqq ħafna trombi nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li l-Gvern fehem dan kollu anke qabel il-pubblikazzjoni ta’ din l-istrateġija ta’ l-Unjoni Ewropea.
Infatti meta fassalna Viżjoni 2015, il-qasam tat-tagħlim kien identifikat bħala wieħed mis-seba’ oqsma li fih irridu nilħqu livell ta’ eċċellenza. Fhimna u qed nibnu sistema edukattiva tassew inklussiva; qed nibnu oqsma ta’ kwalità għolja filwaqt li qed noffru spazji għat-tagħlim u għar-riċerka li jkunu fost l-aqwa fir-reġjun tagħna.
Fid-29 ta’ Jannar tas-sena 2009, niedejt skema ġdida ta’ Boroż ta’ Studju, ko-finanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew ta’ Unjoni Ewropea b’investiment ta’ €10 miljun. L-iskema hija Strategic Educational Pathways Scholarships – STEPS.
Din kienet skema bi skop ċar warajha. Aħna konna diġa fhimna meta fassalniha, li jekk irridu kwalitá ta’ ħajja aħjar; jekk irridu noħolqu x-xogħol, inkunu kompetittivi u nattiraw l-investiment f’suq globaliżżat, irridu noffru ħaddiema mħarrġa u bi kwalifiki mill-aktar għolja.
Hu hawn li pajjiżna jinħtieġlu jinvesti bil-kbir biex jirnexxi u din l-iskema f’dan kienet qed tinvesti. Kif diġa ntqal, taħt l-iskema STEPS, diġa ngħataw 269 Borża ta’ Studju b’investiment ta’ ftit aktar minn €4 miljun ewro.
Issa ħriġna sejħa oħra taħt din l-iskema li tagħlaq fil-15 ta’ Ġunju, u għaliha hemm disponibbli €3 miljun oħra. Dan ifisser li bejn wieħed u ieħor, nistgħu nagħtu mal-180 Borża ta’ Studju oħra. Ifisser li matul l-2010 biss, jekk ngħoddu l-91 Borża ta’ Studju li ngħataw fis-sejħa li għalqet fil-15 ta’ Jannar li għadda; nagħtu mal-180 borża ta’ studju f’din ir-raba’ sejħa; u magħhom inżidu l-160 Borża ta’ Studju oħra taħt l-iskemi tal-Malta Government Scholarship Schemes (MGSS) li jkolli l-pjaċir li nħabbar aktar tard din is-sena - matul l-2010 ser inkunu qed nagħtu mal-430 Borża ta’ Studju.
Dan hu rekord u juri l-impenn tal-Gvern li bil-fatti qed jinvesti biex ikollna gradwati b’ħiliet għolja biex jinħoloq xogħol aħjar li jgħinha biex nilqgħu għall-isfidi l-ġodda.
Dan hu l-messaġġ ċar li ridna nibgħatu meta waqqafna d-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja, f’nofs is-sena li għaddiet. M’hemmx etá għat-tagħlim. Irridu noħolqu l-opportunitajiet biex kulħadd jiżviluppa l-ħiliet u t-talenti tiegħu.
Nieħu gost ninnota li l-iskema STEPS qed tattira nies ’l fuq minn 30 sena biex ikomplu jistudjaw u oħrajn li huma diġa’ f’impjieg. Jien infurmata li kumpanija farmaċewtika f’pajjiżna, ħeġġet tnejn mill-impjegati tagħha biex japplikaw għal Borża ta’ Studju biex jagħmlu riċerka biex permezz tal-ħiliet ġodda akkwistati minnhom, tkun tista’ tippjana espansjoni fl-attivitá ekonomika tagħha.
Jien ukoll infurmata li kumpanija ewlenija f’pajjiżna ħajret lil wieħed mill-ogħla uffiċjali amministrattivi biex jagħmel aktar taħriġ ħalli l-kumpanija titmexxa fuq linji aktar effiċjenti u kompetittivi.
Għandna numru sabiħ ta’ applikanti li qed jispeċjaliżżaw f’oqsma differenti tax-xjenza u t-teknoloġija. Sfidi hemm kemm trid għall-ġejjieni. L-iskema STEPS qegħda turi li l-Maltin ma jibżgħux minn dawn l-isfidi. Għalhekk ninkoraġixxi lil kull min għandu l-kwalifiki, jaħtaf din l-opportunitá.
… / … pr0800.pdf
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990