LEJLET LAPSI NOTTE GOZITANA 2010 - FESTA TAL-PASSAT, IL-PREŻENT U L-FUTUR TA’ GĦAWDEX
Ir-residenti Għawdxin u dawk li jagħżlu li jżuru l-gżira Għawdxija matul il-jiem li fihom il-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jorganizza r-raba’ edizzjoni ta’ Lejliet Lapsi Notte Gozitana, se jkollhom għażla kbira u tassew varjata ta’ attivitajiet li jistgħu jattendu. Il-belt Victoria għal darb’oħra se terġa’ tkun iċ-ċentru ta’ dan l-avveniment, b’wirjiet, attivitajiet kulturali, taħdidiet, animazzjonijiet artistiċi, wirjiet pubbliċi u għadd ta’ ħwejjeġ oħra li jappellaw għal pubbliku ta’ kull età.
Il-Ġimgħa, 7 ta’ Mejju, tfal u studenti minn skejjel primarji u sekondarji ser iżuru diversi wirjiet li qed jittellgħu fil-Ministeru għal Għawdex, il-Banca Giuratale u ċ-Ċentru għall-Kultura u l-Arti fiċ-Ċittadella. Filgħaxija, fil-Kurja tal-Isqof, se tinżamm taħdita dwar l-Għoxrin Sena ta’ Veskovat ta’ Monsinjur Mikiel Gonzi f’Għawdex. Fi tmiem it-taħdita ser tiġi inawgurata wirja kommemorattiva.
Is-Sibt, 8 ta’ Mejju filgħodu, ser tittella’ l-attività ‘L-Arti fl-Imsieraħ’ fil-pjazez ewlenin fosthom pjazza Indipendenza, pjazza San Ġorġ u l-pjazza tal-Katidral. Din l-attività ser tiġi mtellgħa bil-kollaborazzjoni taċ-Ċentru ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri u mistennija jkollha parteċipazzjoni sħiħa mill-pubbliku. F’nofsinhar, Jacob Portelli u Christian Tanti, jagħtu kunċert fiċ-Ċentru għall-Kultura u Arti fiċ-Ċittadella, biex imbagħad fl-istess post fil-għaxija tiġi inawgurata l-wirja – Bizzilla Għawdxija – Wirt u Identità.
Il-Ħadd, 9 ta’ Mejju, bejn id-9.00 u l-11.30 ta’ filgħodu, il-Kulleġġ Għawdxi se jorganizza programm varjat f’Misraħ l-Indipendenza b’ċelebrazzjoni ta’ Jum l-Ewropa. Attività marbuta ma’ Jum l-Omm se tinżamm fit-telgħa taċ-Ċittadella. Membri minn Dar Ġużeppa Debono ser ikunu qed ifakkru l-25 anniversarju mit-twaqqif tad-dar permezz ta’ bejgħ ta’ pjanti u fjuri filwaqt li joffru informazzjoni biex ikattru l-għarfien dwar is-servizzi f’din id-dar.
Art Café hija t-tema tal-attività f’Misraħ l-Indipendenza bejn l-10 ta’ filgħodu u n-12.30pm, b’artisti Għawdxin ipinġu l-atmosfera tan-nies jixorbu l-kafè fil-Misraħ. Fit-8 ta’ filgħaxija fl-istess Pjazza ikun hemm kunċert ta’ mużika rock b’tema reliġjuża, bl-isem ta’ Footprints.
Minbarra l-wirjiet b’tifkira ta’ Monsinjur Mikiel Gonzi, u dik dwar il-Bizzilla Għawdxija, qed jiġu organizzati diversi wirjiet oħra. Dik li qed tinżamm fis-Sala tal-Wirjiet fil-Ministeru għal Għawdex u fil-Banca Giuratale hi ddedikata għal tliet ġenerazzjonijiet ta’ artisti tal-familja Busuttil – l-ewwel darba li x-xogħlijiet tagħhom inġabru flimkien u esebiti f’wirja waħda.
Wirjiet oħra jinkludu Gentes II – xogħlijiet minn artisti mill-Armenja, l-Italja, Franza, Għawdex u Malta, flimkien ma’ Gentes Żgħażagħ, b’artisti minn Sqallija u Għawdex, li qed jittellgħu fiċ-Ċentru għall-Kultura u l-Arti fiċ-Ċittadella.
L-esebizzjoni tal-artist Vince Caruana ‘7-Days’ se tkun għall-wiri fil-Maji Restaurant, filwaqt li ‘La Matera’, wirja ta’ skulturi fil-bronż u ċ-ċeramika ta’ l-artist Victor Agius, se tkun għall-wiri f’Art...e gallery. Familja oħra Għawdxija qed tesebixxi x-xogħlijiet kollettivi tagħha permezz ta’ ‘The Sagona family of Artists’ fi Triq id-Dejqa. Il-programm jagħti aktar dettalji dwar wirjiet oħra li qed jittellgħu għall-okkażjoni.
Il-Ġimgħa, 14 ta’ Mejju L-inawgurazzjoni tal-programm uffiċjali ta’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana, ser issir nhar il-Ġimgħa, 14 ta’ Mejju filgħodu b’festival multi-kulturali għat-tfal organizzat mill-Kulleġġ Għawdxi f’Misraħ l-Indipendenza.
Programm imsejjaħ ‘Għawdex-Ekoloġiku’ jinkludi Fiera ta’ Pjanti fir-Rebbiegħa. Dan se jsir fiċ-Ċittadella tul il-jum kollu tal-Ġimgħa, 14 u s-Sibt, 15 ta’ Mejju, u l-Ħadd, 16, filgħodu.
Il-Ġimgħa u s-Sibt bejn id-9 ta’ filgħodu u s-1 ta’ wara nofsinhar u bejn is-6 u l-10 ta’ filgħaxija, kif ukoll il-Ħadd bejn id-9 ta’ filgħodu u s-1 ta’ wara nofsinhar, ikun hemm sezzjonijiet ta’ e-learning fl-iskola San Franġisk, fi Triq Palma. Membri tas-Santa Marta Day Centre se jsiru klassijiet ta’ fitness il-Ġimgħa fil-11.30 ta’ filgħodu fuq is-swar ta’ San Ġwann fiċ-Ċittadella.
Filgħaxijiet tal-Ġimgħa u s-Sibt ikun hemm żoni ta’ rikreazzjoni b’divertiment live ikkumplimentati b’inbid, ikel, kultura u tradizzjonijiet marbuta ma’ temi Għawdxin u Ekoloġiċi. Esperjenzi fil-biedja jistgħu jinkisbu fid-daħla taċ-Ċittadella s-Sibt bejn id-9 ta’ filgħodu u s-1.00 ta’ wara nofsinhar, fejn ikun hemm dimostrazzjonijiet b’annimali, pjanti, esperimenti, u aktar. Fl-istess waqt, fid-daħla taċ-Ċittadella, ser ikun hemm logħob, divertiment, bżieżaq u tpinġija fuq l-uċuħ li żgur ser jattiraw bosta tfal.
Is-Sibt, 15 ta’ Mejju Bejn id-9.30 u l-11.30 ta’ filgħodu fil-parkeġġ u d-daħla taċ-Ċittadella se jittellgħu attivitajiet marbuta ma’ Skolasport li jinkludu ġinnastika, arti marzjali, basketball, break dance, hip-hop, ħiliet fil-futbol, kidz blitz, table tennis u ċikliżmu. Fl-istess ħin f’Misraħ il-Katidral, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi se jkun qed jippromwovi tisjir b’gost u ikel tajjeb għas-saħħa.
Fis-Sala Sant’Ursula fiċ-Ċentru għall-Kultura u l-Arti fiċ-Ċittadella se jsiru tliet taħdidiet: ‘Il-benefiċċji ta’ Għajxien Ekoloġiku’, mill-Malta Energy Efficiency and Renewable Energy Association fl-10 ta’ filgħodu; ‘Il-benefiċċji ta’ stil ta’ ħajja b’saħħitha’ mill-esperta tad-dieta Eileen Vella fil-11.30 ta’ filgħodu; u fis-6 ta’ filgħaxija l-kiropratiku Tanweer Rayast jitkellem dwar soluzzjonijiet għall-uġigħ fir-ras, fid-dahar, fl-għonq u x-xjatika. Wara d-9 ta’ filgħaxija jkun hemm ukoll projezzjonijiet bid-dwal fuq is-swar taċ-Ċittadella marbuta mat-tema ‘Għawdex Ekoloġiku’.
Attrazzjoni ewlenija fil-programm ta’ din is-sena, hi dik imħejjija għall-Ġimgħa filgħaxija. Il-Gruppo Sbandieratori e Musici ‘Maestri’ minn Sqallija, se jagħtu wirja minn Pjazza Savina sa Triq Papa Ġwanni Pawlu II, fir-Rabat. Din l-attività se tintroduċi l-wirja spettakolari ‘Mużika Fl-Arja’ li tibda fis-7.30 ta’ filgħaxija. Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, mmexxija minn Mro. Ivan Borg, se tagħti kunċert filwaqt li l-koreografu Dorian Mallia se jippreżenta spettaklu ta’ żfin mill-kumpanija ‘Moveo’ b’sehem ta’ żeffiena Taljani. Wirja ta’ l-ajru b’ajruplani żgħar minn tim ta’ bdoti pijunieri taljani, iġġib dan l-ispettaklu fi tmiemu.
Sadanittant, fil-Ġonna tal-Kastell fiċ-Ċittadella, se jkun għaddej festival Eko-Kulturali. Dan se jsir ukoll is-Sibt filgħaxija. Il-lokalitajiet, kull waħda marbuta ma’ stil mużikali, jinkludu l-bastjun ta’ San Mikiel b’mużika pop, il-bastjun ta’ San Martin b’mużika klassika, il-bastjun ta’ San Ġwann b’mużika rilassanti, u Triq il-Foss b’mużika folkloristika. Din l-attività ser tittella’ bil-parteċipazzjoni tal-produtturi ta’ l-inbid Emmanuel Delicata u l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex.
Mill-10 ta’ filgħaxija ‘il quddiem, f’Misraħ l-Indipendenza ikun imiss programm ta’ kanzunetti popolari Maltin bit-tema ‘Dejjem Tagħna’. Jieħdu sehem Claudette Pace, Renato, Olivia Lewis, Debbie Scerri, Ludwig Galea u Georgina, flimkien mal-banda mmexxija minn Mro Dominic Galea.
Il-Wesgħa tat-Terminus tal-Karozzi tal-Linja se tilqa’ żewġ attivitajiet ippreżentati minn Dynamic Promotions: The Free Rock Festival se jitwassal il-Ġimgħa, u The Free Dance Festival jittella’ is-Sibt, dejjem mill-10.30 ta’ filgħaxija ‘l quddiem.
Fost il-mistiedna speċjali se jkun hemm Ira Losco, appoġġjata minn Red Electrik. Għall-ewwel darba Għawdex se jilqa’ kunċert diġitali, ippreżentat minn DJs popolari fuq ir-radju, flimkien ma’ għadd ta’ artisti Maltin fosthom Tenishia, Bengy, Duncan F, Luc Adams, Mykill & Kevin the Bongo man, Miss Roberta u Carl Bee, kumplimentati bi strumenti li jinkludu kitarri, perkussjoni, tnabar u bongo.
Żewġ wirjiet ta’ spettaklu li se jeħduna lura fl-istorja se jitwasslu s-Sibt filgħodu. ix-Xagħra Historical Re-enactment Organisation se twassal it-tlugħ tal-bandiera tal-Ordni ta’ San Ġwann fuq is-swar taċ-Ċittadella fid-9 ta’ filgħodu (u l-bnadar jitniżżlu fis-7 ta’ filgħaxija) filwaqt li mill-9.45 ta’ filgħodu l-Qala Dramatic Society se jtellgħu rappreżentazzjoni ta’ tieġ tradizzjonali Malti madwar iċ-Ċittadella.
Fil-programm estensiv insibu wkoll żewġ żjarat organizzati: waħda ser tinżamm bejn l-10 ta’ filgħodu u s-1 ta’ wara nofsinhar u se tieħu lil dawk li jingħaqdu magħha f’kunventi fir-Rabat, fosthom dawk tal-Kappuċċini u tal-Agostinjani u tintemm b’ikla (bi ħlas). Żjara bid-dgħajsa ser iddur it-torrijiet ta’ Għawdex u Kemmuna. Din titlaq mill-Imġarr, tmur għal Kemmuna u tkompli għad-Dwejra. Din iż-żjara qed tiġi organizzata bil-kollaborazzjoni ta’ Din L-Art Ħelwa, u biljetti għaliha jistgħu jinkisbu billi wieħed iċempel fuq 2215-6700.
Għall-ħabta tal-11 ta’ filgħodu jibda spettaklu tal-ajru msejjaħ Wings on Gozo. Il-post ideali minn fejn jista’ jiġi segwit hija ċ-Ċittadella. Parata mill-Banda tal-Korp tal-Pulizija akkumpanjata mis-sezzjoni tal-Kavallerija titlaq minn Misraħ San Franġisk fil-11.30 ta’ filgħodu u tgħaddi minn Triq Palma, Triq ir-Repubblika u titla’ Misraħ il-Katidral. Kunċert ta’ nofsinhar se jinżamm fil-Katidral t’Għawdex bil-parteċipazzjoni tal-korijiet Chorus Urbanus u Gaulitanus. Dan jibda fin-12.30.
Mit-8 sal-11 ta’ filgħaxija, se tittellgħa attività bit-tema ‘Il-Pjazza tal-Leġġendi’ li tinkludi animazzjoni mibnija fuq leġġendi Għawdxin, diretti minn Ġorġ Mizzi, u fid-9.30 ta’ filgħaxija, l-Oratorju Don Bosco se jippreżenta l-aqwa siltiet mill-musical ‘Il-Ħolma ta’ Ġużeppi’. Fid-9 ta’ filgħaxija fil-Bażilika ta’ San Ġorġ jingħata bidu għal kunċert ta’ mużika sagra bil-parteċipazzjoni tal-kor Laudate Pueri.
Tul is-serata, fi Triq ir-Repubblika, tkun qed tiġi organizzata ‘L-Esperjenza Għawdxija’, li tikkonsisti f’14-il stand li jirrappreżentaw kull Kunsill Lokali Għawdxi. Fuqhom wieħed isib preżentazzjonijiet ta’ fotografija, arti, gastronomija u talent lokali. Mit-8 ta’ filgħaxija sa nofsillejl ikun hemm ‘L-Esperjenza tal-Borgo’ b’animazzjoni minn Tama Tnabar u mill-Gruppo Sbandieratori e Musici 'Maestri' minn Sqallija, tul it-toroq dojoq tar-Rabat, inklużi San Ġorġ tal-Ħaġar u Triq il-Karmelu.
L-attrazzjoni ewlenija tas-Sibt ser tinżamm f’Misraħ l-Indipendenza. Tibda fit-8.30 ta’ filgħaxija bil-preżentazzjoni tal-aqwa siltiet minn The Unforgettable Dance Show imwassla mis-Central Dance Academy.
Mid-9.30 sal-11.30 ta’ filgħaxija ikun hemm programm ta’ varjetà minn Favourite Channel, ippreżentat minn Karl u Romina, bis-sehem tal-banda ta’ Mro Paul Abela, sitt kantanti - Chiara, Georgina, Ludwig Galea, Leontine, Jade u Amber, logħob bin-nar minn Mario, żfin Latin minn Pro Touch, wirja mill-illużjonisti Brian Role u Lola, u s-sehem tal-artisti Għawdxin Miriam Christine u Francesca u Michaela.
Il-grupp Għawdxi Chasing Pandora ser jipprovdu spazju rilassanti f’Misraħ San Ġorġ fis-1 ta’ filgħodu.
Il-Ħadd, 16 ta’ Mejju Il-programm Għawdex Ekoloġiku, ser jinkldui mixja fil-kampanja tal-Għasri. Min ikun interessat għandu jiltaqa’ l-venda tal-Karozzi tal-Linja fid-9.30 ta’ filgħodu minn fejn ikun provdut trasport. Il-mixja tibda fl-10 ta’ filgħodu mill-Pjazza tal-Għasri u tibqa’ sejra lejn Ta’ Ġordan, Wied l-Għasri, il-Knisja tal-Patroċinju u Wied Sara, u tintemm ir-Rabat.
Tmiem il-ġimgħa ddedikat lin-Notte Gozitana jiġi fi tmiemu b’Tattoo Mużikali il-Ħadd 16 ta’ Mejju, li jibda fl-10.30 ta’ filgħodu u jissokta san-nofsiegħa. Jieħdu sehem f’dan l-ispettaklu il-baned tal-Boy Scouts u l-Boys’ Brigades tal-Gruppi ta’ Scouts mill-Ħamrun, Sta. Venera, Marsa, Mosta, Naxxar, Msida, u Bormla. Dawn ser jimmarċjaw minn inħawi differenti fir-Rabat, fosthom Pjazza San Franġisk u Pjazza Santu Wistin, il-Kapuċċini, Triq Papa Ġwanni Pawlu II, Taċ-Ċawla, u Triq Fortunato Mizzi. Ilkoll jimxu lejn Misraħ Savina fejn minn hemm jimmarċjaw tul Triq ir-Repubblika u jieqfu f’Misraħ Kennedy.
Sadanittant il-Federicus Rex Society ser ikunu qed jagħtu wirja ta’ falkuni u għasafar oħra tal-priża fuq il-bastjun ta’ San Mikiel fiċ-Ċittadella. Fil-11 ta’ filgħodu Charles Bezzina jagħti taħdita dwar Għawdex fil-Gwerra fix-xelter fuq l-Għolja tal-Kastell. Fl-istess ħin il-Gruppo Sbandieratori e Musici 'Maestri' jagħtu wirja waqt li jimmarċjaw minn Misraħ Savina lejn it-toroq Santa Marija, Alfons Maria Hili, Palma, u Repubblika sa ma jaslu f’Misraħ il-Katidral.
Attrazzjonijiet oħra ‘il barra mir-Rabat jinkludu: ‘IDEA’ - wirja ta’ mużajk minn Mary Portelli fil-Kunsill tan-Nadur; open day fil-Wistin Camilleri Gozo Centre for Art and Crafts f’Għajnsielem; u l-ftuħ għall-pubbliku tat-torrijiet Isopu fin-Nadur, u Dwejra f’San Lawrenz minn Din L-Art Ħelwa, u dak ta’ Mġarr ix-Xini fix-Xewkija minn Wirt Għawdex.
L-attivitajiet kollha jiġu fi tmiemhom permezz ta’ kunċert f’Misraħ Indipendenza mill-Gozo Youth Wind Band and Orchestra diretta minn Mro. Joseph Grech.
Dawn l-attivitajiet kollha huma miftuħa għall-pubbliku u huma mingħajr ħlas. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq in-numru tat-telefon 2215-6700, jew permezz ta’ imejl lil info@gozoculture.com. Wieħed jista’ wkoll iżur il-websajt www.gozoculture.com jew jingħaqad mal-grupp fuq Facebook gozoculture.com.
Lejlet Lapsi, Notte Gozitana - festa tal-passat, il-preżent u l-futur ta’ Għawdex. Titilfuhiex.
... / pr0797.pdf
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990