Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ifakkar it-traġedja li laqtet lill-Polonja
Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Dr Tonio Borg ospita Kunċert li jfakkar it-traġedja tal-ajru li ħalliet vittmi lill-President Pollakk, Lech Kaczyński, lil martu Maria Kaczyńska u lid-dinjitarji Pollakki li kienu fuq l-ajruplan Presidenzjali fit-titjira lejn il-Belt ta’ Smolensk fl-10 t’April 2010.
Il-Kunċert ġie organizzat mis-Sur Reuben Gauci, uffiċjal fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, b’kollaborazzjoni mas-Sur Stephen Parnis England, Konslu Onorarju fi ħdan il-Konsulat Onorarju tal-Polonja f’Malta.
Għal dan l-avveniment attendew l-Ambaxxatur Pollakk għal Malta residenti f’ Ruma, is-Sur Jerzy Chmielewski, tal-Korp Diplomatiku residenti f’Malta, Presidenti Emeriti, kif ukoll uffiċjali u membri oħra tal-istaff tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Il-kunċert ikkonsista f’mużika għall-pjanu mill-Kompożitur Pollakk Fryderyk Chopin, li din is-sena taħbat il-200 anniversarju mid-data ta’ twelidu. Il-pjanista kienet is-Sinjorina Joanne Camilleri. Matul il-kunċert indaqqet ukoll kompożizzjoni oriġinali mill-kompożitur / pjanist Malti is-Sur Norman Cristina bl-isem Impressjonijiet tal-Polonja, liema biċċa xogħol indaqqet mill-kompożitur innifsu.
Matul l-avveniment inqraw poeżiji tal-poeti Pollakki Juliusz Słowacki u Adam Mickiewicz bil-Malti, bl-Ingliż u bil-Pollakk. Sar diskors mis-Seminarista Dillon Bugeja fuq il-Papa Ġwanni Pawlu II u r-Ruħ Nazzjonali Pollakka.
Wara diskorsi uffiċjali mill-Viċi Prim Ministru Dr Tonio Borg u mill-Ambaxxatur Pollakk Jerzy Chmielewski, l-Onor. Dr Borg ippreżenta pittura lill-Ambaxxatur Pollakk mpinġija mill-artist Mark Schembri.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990