Left arrow Mur Lura

PERFORMANCE AUDIT: PHYSICAL EDUCATION AND SPORT IN STATE PRIMARY AND SECONDARY SCHOOLS

PR0785
Date Icon 03/05/2010

Malta għandha waħda mill-ogħla rati t’obeżita’ u piż żejjed fost it-tfal u ż-żgħażagħ u dan huwa bla dubju fatt inkwetanti. Permezz t’opportunitajiet ta’ ħin, faċilitajiet u tagħlim provdut, l-iskejjel huma f’pożizzjoni unika biex jedukaw u jħajru lit-tfal u żgħażagħ jipparteċipaw f’edukazzjoni fiżika u attivitajiet sportivi. Il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali jikklassifika l-edukazzjoni fiżika u l-isport bħala suġġett bażiku li għandu jiġi pprovdut u mgħallem fil-livelli kollha tal-Edukazzjoni Primarja u Sekondarja. Il-Gvern indika b’diversi modi l-impenn tiegħu li jtejjeb il-kwalita’, is-servizz u l-frekwenza ta’ dawn l-attivitajiet fl-iskejjel.

Ir-Rapport tal-Awditur Ġenerali fuq l-Edukazzjoni Fizika u Sport fl-iskejjel Primarji u Sekondarji Statali kkonkluda li sar progress f’dan il-qasam, partikolarment wara l-ħatra ta’ Uffiċjal Edukattiv biex jissorvelja u jassisti t-tagħlim tal-Edukazzjoni Fiżika, kif ukoll bit-twaqqif tal-‘iSport Promotion Unit’ fi ħdan il-Kunsill Malti għall-iSport biex jiġu organizzati attivitajiet fiżiċi u sportivi waqt il-ħin tal-iskola. Dawn l-attivitajiet huma wkoll kumplimentati bi programmi oħra, barra l-ħin ta’ l-iskola, li huma offruti mill-istess Kunsill. Madankollu, jibqgħu numru ta’ problemi u sfidi li għad iridu jiġu ndirizzati.

Fl-iskejjel Primarji tal-Gvern it-tagħlim tal-edukazzjoni fiżika huwa ġeneralment mogħti minn għalliema peripatetiċi, b’ numru żgħir biss ta’ għalliema tal-Primarja li jagħtu huma stess lezzjonijiet addizzjonali f’dan is-suġġett. Minħabba din is-sitwazzjoni mhux jintlaħaq l-għan ta’ dak li jirrakkomanda d-Dipartiment tal-Kurrikulu u e-Learning li jingħataw erba’ lezzjonijiet ta’ nofs siegħa ’il waħda kull ġimgħa. Fl-iskejjel Sekondarji tal-Gvern ir-rapport ikkonkluda li għalkemm il-lezzjonijiet huma regolari, kif inhuma determinati mill-Awtoritajiet tal-Edukazzjoni, il-frekwenza tagħhom tonqos aktar ma jikbru t-tfal u jitilgħu fi klassijiet ogħla.

L-investiment f’faċilitajiet u tagħmir sportiv ġdid ġab titjib sostanzjali f’ċertu skejjel tal-Gvern. Fl-istess waqt numru ta’ skejjel oħra jibqgħu jbatu min-nuqqas t’aċċess għall-faċilitajiet xierqa speċjalment dawk ta’ ġewwa.

Ir-Rapport jippreżenta numru ta’ rakkomandazzjonijiet. Dawn jinkludu l-iżvilupp ta’ Pjan wieħed konsolidat li jiġbor fih kif l-edukazzjoni fiżika, sport u attivitajiet fiżiċi oħrajn jistgħu jiżdiedu kif ukoll jiġu mtejba. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dan il-Pjan tirrikjedi direzzjoni soda, disponibilita’ tar-riżorsi li hemm bżonn, tibdil gradwali fil-mentalita’, kif ukoll koordinazzjoni effettiva bejn dawk kollha nvoluti f’dan is-settur.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jixtieq jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-kollaborazzjoni siewja tal-Awtoritajiet Edukattivi u mill-Kunsill Malti għall-Isport f’din il-verifika.

Minn għada dan ir-Rapport jista’ jitniżżel mill-website tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (http://www.nao.gov.mt). 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow