TmiEn AttivItajiet Kulturali mill-Kunsilli Lokali matul Mejju
“Ħaż-Żebbuġ Jistiednek” f’Ħaż-Żebbuġ, “Luqa at War” f’Ħal Luqa, “Fireworks and Water Display” fil-Pieta’, “Lejl l-Artiġġjanat” f’Santa Venera, “Military Mtarfa” fl-Imtarfa, “Lejl fil-Belt Hompesch” f’Ħaż-Żabbar, “Spring Irkottafest” f’Ħal Kirkop u “Arti fil-Beraħ” f’Marsaskala huma l-attivitajiet kulturali li se jittellgħu mill-kunsilli lokali matul ix-xahar ta’ Mejju. Dawn l-attivitajiet qed isiru taħt l-Iskema Attivitajiet Kulturali ko-finanzjata mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali u mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.
Dawn huma biss tminn attivtajiet minn 54 attività li qed isiru fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex matul din is-sena. Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said qal li kif wieħed jista’ jara, il-firxa ta’ attivitajiet fil-lokalitajiet differenti jkopru ħafna aspetti tal-identità Maltija u Għawdxija. Fil-fatt l-attivitajiet ikopru t-tradizzjonijiet, il-folklor, l-agrikultura, l-ikel, l-artiġġjanat, il-piroteknika, l-istorja, u l-kultura. Chris Said qal li dawn kollha jservu ta’ tieqa fuq il-kultura u l-istorja tagħna filwaqt li jressquna eqreb lejn il-lokalitajiet tagħna u d-diversità tagħhom.
L-attivitajiet f’Ħaż-Żebbuġ, Ħal Luqa, l-Imtarfa u Ħaż-Żabbar qed isiru għat-tieni sena konsekuttiva filwaqt li l-attivitajiet fil-Pieta’, Ħal-Kirkop u Marsaskala qed isiru għall-ewwel darba. L-attività f’Santa Venera qed issir għat-tieni sena iżda b’tema differenti minn ta’ qabel.
Is-Segretarju Parlamentari qal li permezz ta’ dawn l-attivitajiet il-kunsilli lokali qed jifhmu l-importanza kbira tal-kunċett tal-identità u tal-bżonn li din mhux biss tiġi mħarsa imma tiġi użata biex tagħmel attrazzjoni minn kull lokalità f’Malta u Għawdex.
Chris Said kompla li llum il-kunsilli lokali qed jaħdmu mill-qrib mal-għaqdiet u s-soċjetajiet tal-lokalitajiet flimkien ma’ mijiet ta’ voluntiera sabiex jilħqu livelli dejjem ogħla. Permezz ta’ din il-koperazzjoni r-residenti qed iħossuhom aktar parteċipi f’dak li jorganizza l-kunsill lokali u huma wkoll qed jifhmu l-importanza tal-ħarsien tal-identità u tal-wirt storiku u kulturali ta’ kull lokalità. Chris Said qal li dawn l-attivitajiet qed irawmu sens ċiviku qawwi u jitfgħu dawl fuq il-karatteristiċi partikulari ta’ kull lokalità.
Is-Segretarju Parlamentari semma wkoll kif l-attivijiet kulturali għandhom importanza kbira ekonomika għal-lokalitajiet għax permezz tagħhom mhux biss tingħata ħajja lill-bliet u rħula Maltin iżda wkoll, grazzi għall-eluf li jżuru l-attivitajiet, tkun qed tingħata spinta lis-settur kummerċjali.
Chris Said spjega kif dawn l-attivitajiet qed isiru waqt dawk l-hekk imsejħa “shoulder months” sabiex tingħata spinta lit-turiżmu, kemm intern u kemm estern, f’dawk ix-xhur mhux tradizzjonalment abbinati mat-turiżmu f’pajjiżna. Dan jgħin biex Malta tkompli ssir destinazzjoni turistika matul is-sena kollha.
Chris Said innota b’sodisfazzjon li l-kunsilli lokali li pparteċipaw fl-iskema s-sena l-oħra qed jerġgħu jagħmlu dan bi prodott aħjar filwaqt li oħrajn bħal Pieta’, Ħal Kirkop u Marsaskala għarfu l-vantaġġi tal-Iskema u qed jipparteċipaw għall-ewwel darba. Dan kollu jgħin biex id-destinazzjonijiet turistiċi f’pajjiżna ma jibqgħux biss dawk tradizzjonali iżda jinfirxu mal-pajjiż kollu.
Is-Segretarju Parlamentari tkellem ukoll dwar fondi mill-Unjoni Ewropea għall-Kunsilli Lokali u semma’ s-sejħa li se toħroġ dalwaqt taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-proġetti li jirrigwardjaw l-użu effiċjenti tal-enerġija u sorsi rinovabbli tal-enerġija fl-infrastruttura. Din is-sejħa, li toħroġ f’nofs dan ix-xahar, se jkollha allokazzjoni ta’ 3.5 miljun Euro.
Chris Said semma’ wkoll is-sejħa għall-proġetti li jirrigwardjaw il-promozzjoni tat-turiżmu sostenibbli li għalqet fid-19 t’April li għadda. Din is-sejħa taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali kienet miftuħa għal interventi minn kunsilli lokali f’żoni turistiċi ta’ prijorità u t-total indikattiv kien ta’ 2 miljun Ewro. Għal din is-sejħa applikaw 21 kunsill lokali.
Chris Said għalaq billi qal li dawn l-opportunitajiet ta’ finanzjament jikkumplimentaw ix-xogħol tal-kunsilli lokali biex itejbu l-lokalitajiet tagħhom u l-politika tal-Gvern li jasal għall-kunċett ta’ lokalitajiet sostenibbli. Huwa qal li l-kunsilli lokali għandhom ikomplu jaħdmu biex jaħtfu dawn l-opportunitajiet ħalli tassew jilħqu l-aspettattivi tar-residenti tagħhom.
…/lista ta’ attivitajiet
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990