Left arrow Go Back

TmiEn AttivItajiet Kulturali mill-Kunsilli Lokali matul Mejju

PR0782
Date Icon 03/05/2010

“Ħaż-Żebbuġ Jistiednek” f’Ħaż-Żebbuġ, “Luqa at War” f’Ħal Luqa, “Fireworks and Water Display” fil-Pieta’, “Lejl l-Artiġġjanat” f’Santa Venera, “Military Mtarfa” fl-Imtarfa, “Lejl fil-Belt Hompesch” f’Ħaż-Żabbar, “Spring Irkottafest” f’Ħal Kirkop u “Arti fil-Beraħ” f’Marsaskala huma l-attivitajiet kulturali li se jittellgħu mill-kunsilli lokali matul ix-xahar ta’ Mejju.  Dawn l-attivitajiet qed isiru taħt l-Iskema Attivitajiet Kulturali ko-finanzjata mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali u mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu. 

Dawn huma biss tminn attivtajiet minn 54 attività li qed isiru fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex matul din is-sena. Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said qal li kif wieħed jista’ jara, il-firxa ta’ attivitajiet fil-lokalitajiet differenti jkopru ħafna aspetti tal-identità Maltija u Għawdxija.  Fil-fatt l-attivitajiet ikopru t-tradizzjonijiet, il-folklor, l-agrikultura, l-ikel, l-artiġġjanat, il-piroteknika, l-istorja, u l-kultura.  Chris Said qal li dawn kollha jservu ta’ tieqa fuq il-kultura u l-istorja tagħna filwaqt li jressquna eqreb lejn il-lokalitajiet tagħna u d-diversità tagħhom. 

L-attivitajiet f’Ħaż-Żebbuġ, Ħal Luqa, l-Imtarfa u Ħaż-Żabbar qed isiru għat-tieni sena konsekuttiva filwaqt li l-attivitajiet fil-Pieta’, Ħal-Kirkop u Marsaskala qed isiru għall-ewwel darba.  L-attività f’Santa Venera qed issir għat-tieni sena iżda b’tema differenti minn ta’ qabel. 

Is-Segretarju Parlamentari qal li permezz ta’ dawn l-attivitajiet il-kunsilli lokali qed jifhmu l-importanza kbira tal-kunċett tal-identità u tal-bżonn li din mhux biss tiġi mħarsa imma tiġi użata biex tagħmel attrazzjoni minn kull lokalità f’Malta u Għawdex. 

Chris Said kompla li llum il-kunsilli lokali qed jaħdmu mill-qrib mal-għaqdiet u s-soċjetajiet tal-lokalitajiet flimkien ma’ mijiet ta’ voluntiera sabiex jilħqu livelli dejjem ogħla.  Permezz ta’ din il-koperazzjoni r-residenti qed iħossuhom aktar parteċipi f’dak li jorganizza l-kunsill lokali u huma wkoll qed jifhmu l-importanza tal-ħarsien tal-identità u tal-wirt storiku u kulturali ta’ kull lokalità.  Chris Said qal li dawn l-attivitajiet qed irawmu sens ċiviku qawwi u jitfgħu dawl fuq il-karatteristiċi partikulari ta’ kull lokalità. 

Is-Segretarju Parlamentari semma wkoll kif l-attivijiet kulturali għandhom importanza kbira ekonomika għal-lokalitajiet għax permezz tagħhom mhux biss tingħata ħajja lill-bliet u rħula Maltin iżda wkoll, grazzi għall-eluf li jżuru l-attivitajiet, tkun qed tingħata spinta lis-settur kummerċjali.

Chris Said spjega kif dawn l-attivitajiet qed isiru waqt dawk l-hekk imsejħa “shoulder months” sabiex tingħata spinta lit-turiżmu, kemm intern u kemm estern, f’dawk ix-xhur mhux tradizzjonalment abbinati mat-turiżmu f’pajjiżna.  Dan jgħin biex Malta tkompli ssir destinazzjoni turistika matul is-sena kollha. 

Chris Said innota b’sodisfazzjon li l-kunsilli lokali li pparteċipaw fl-iskema s-sena l-oħra qed jerġgħu jagħmlu dan bi prodott aħjar filwaqt li oħrajn bħal Pieta’, Ħal Kirkop u Marsaskala għarfu l-vantaġġi tal-Iskema u qed jipparteċipaw għall-ewwel darba.  Dan kollu jgħin biex id-destinazzjonijiet turistiċi f’pajjiżna ma jibqgħux biss dawk tradizzjonali iżda jinfirxu mal-pajjiż kollu. 

Is-Segretarju Parlamentari tkellem ukoll dwar fondi mill-Unjoni Ewropea għall-Kunsilli Lokali u semma’ s-sejħa li se toħroġ dalwaqt taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-proġetti li jirrigwardjaw l-użu effiċjenti tal-enerġija u sorsi rinovabbli tal-enerġija fl-infrastruttura.  Din is-sejħa, li toħroġ f’nofs dan ix-xahar, se jkollha allokazzjoni ta’ 3.5 miljun Euro. 

Chris Said semma’ wkoll is-sejħa għall-proġetti li jirrigwardjaw il-promozzjoni tat-turiżmu sostenibbli li għalqet fid-19 t’April li għadda.  Din is-sejħa taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali kienet miftuħa għal interventi minn kunsilli lokali f’żoni turistiċi ta’ prijorità u t-total indikattiv kien ta’ 2 miljun Ewro.  Għal din is-sejħa applikaw 21 kunsill lokali. 

Chris Said għalaq billi qal li dawn l-opportunitajiet ta’ finanzjament jikkumplimentaw ix-xogħol tal-kunsilli lokali biex itejbu l-lokalitajiet tagħhom u l-politika tal-Gvern li jasal għall-kunċett ta’ lokalitajiet sostenibbli.  Huwa qal li l-kunsilli lokali għandhom ikomplu jaħdmu biex jaħtfu dawn l-opportunitajiet ħalli tassew jilħqu l-aspettattivi tar-residenti tagħhom.  

…/lista ta’ attivitajiet

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow