IDEA - Wirja ta’ Arti mill-Mużajk fin-Nadur
IDEA hija kollezzjoni ta’ xogħlijiet fil-mużajk ispirati min-natura u l-materja prima. Ix-xogħlijiet f’din il-kollezzjoni huma tal-artista Mary Portelli li qed tesebixxi x-xogħlijiet tagħħa fis-sala tal-Kunsill Lokali tan-Nadur, Għawdex. Din il-wirja tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Il-wirja nfetħet uffiċjalment mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, l-Onor. Chris Said. Huwa faħħar ix-xogħol tal-artista u qal li kultant in-natura ta’ madwarna ma tantx nagħtu kasha iżda għal artista bhal Mary Portelli, din isservi ta’ sors ta’ ispirazzjoni. Chris Said qal li l-messaġġ minn dan kollu għandu jkun li għandna naprezzaw aktar l-ambjent ta’ madwarna u, filwaqt li nibżgħu għalih, naħdmu biex intejjbuh.
Il-ftuħ tal-wirja kien parti mill-festival “Mayfair” organizzat mill-Kunsill taż-Żgħażagħ tan-Nadur bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-lokalita’. Dan il-programm kien jinkludi, fost l-oħrajn, fiera tal-kotba, talent lokali live, tisjir, żfin, wirja ta’ vettuti antiki u militari, logħob tradizzjonali għat-tfal u numru ta’ stands bi prodotti jew servizzi differenti.
Chris Said innota b’sodisfazzjon li din l-attivita ġiet organizzata mill-Kunsill taż-Żgħażagħ u dawn sabu warajhom l-appoġġ tal-Kunsill Lokali tan-Nadur. Is-Segretarju Parlamentari saħaq li l-Kunsilli Lokali għandhom jinvolvu l-għaqdiet u l-Assoċjazzjonijiet tal-lokalita’ fix-xogħol tagħhom biex hekk ikunu qed jintlaħqu s-setturi kollha tal-belt jew raħal. Chris Said tkellem ukoll dwar l-importanza tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u qal li l-Kunsill taż-Żgħażagħ għandu jservi ta’ preparazzjoni biex ‘il quddiem l-istess żgħażagħ jieħdu pożizzjonijiet ta’ responsabbilta’ akbar kemm fil-lokalita’ u kif ukoll fuq skala usa’.
Is-Segretarju Parlamentari Chris said tkellem dwar it-tiġdid tal-kunsilli lokali u semma kif dan qed jaħseb sabiex il-kunsilli lokali jgħinu u jippromowovu artisti fil-lokalita’ tagħhom. Huwa qal li permezz ta’ “Mayfair” u l-wirja IDEA qed tinħoloq kollaborazzjoni bejn il-kunsill lokali, iż-żgħażagħ l-għaqdiet u t-talent lokali biex il-lokalita’ tkun tassew qed tilħaq il-milja tagħha.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990