IMWAQQFA L-FERGĦA TAL-ASSOĊJAZZJONI TAS-SAĦĦA MENTALI F’GĦAWDEX
Il-Ministeru għal Għawdex ikkordina ħidma biex f’Għawdex ġie organizzat l-ewwel seminar ‘Breaking the Silence’ li ttratta l-qasam tas-saħħa mentali. Dan sar wara li ntweriet ix-xewqa minn professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam f’Għawdex biex ikun jista’ jiżdied l-għarfien u tingħata l-għajnuna meħtieġa lil qraba ta’ min ikun ibati minn nuqqas ta’ saħħa mentali. Għal dan il-għan ġie mħejji programm li kien jinkludi diversi kelliema, li wħud minnhom irrakkontaw ukoll esperjenzi personali.
Waqt dan is-seminar ġiet imnedija l-fergħa ta’ Għawdex ta’ l-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Mentali. B’hekk wara li madwar sentejn ilu kien ġie mwaqqaf support group li jagħti għajnuna lil persuni li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali, issa ser ikun jista’ jingħata s-sostenn meħtieġ ukoll lill-familjari tagħhom. Matul is-seminar id-diversi kelliema rreferew għal fatt li kundizzjonijiet ta’ nuqqas ta’ saħħa mentali jġibu magħhom weġgħat u problemi għal min ikun affetwat kif ukoll għal dawk qrib tagħhom. L-istigma u l-esklużjoni soċjali marbuta ma’ mard simili jżidu mat-toqol ta’ dawn is-sitwazzjonijiet għal dawn il-persuni. Għalhekk hu meħtieġ li jiżdied l-għarfien dwar dan il-qasam filwaqt li jiġu msaħħa s-servizzi ta’ għajnuna kemm għal marid kif ukoll għal dawk li jgħixu qribu.
Fid-diskors tal-ftuħ tal-konferenza, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex fissret kif dan l-ewwel seminar tax-xorta tiegħu f’Għawdex ifisser żvilupp importanti fil-qasam tas-saħħa mentali f’Għawdex. Kompliet tgħid li dan huwa qasam sensittiv li jeħtieġ għarfien u fehma sħiħa ta’ dak li jkunu għaddejjin minnu l-persuni konċernati. ‘Għalhekk il-Ministeru għal Għawdex sostna l-organizzazzjoni ta’ din il-konferenza u jilqa’ b’sodisfazzjon it-twaqqif tal-fergħa tal-MHA f’Għawdex għax jemmen li din ser tagħti kontribut siewi kemm lil dawk li jkunu jeħtieġu s-servizzi tagħha kif ukoll biex jiżdied l-għarfien dwar dan il-qasam fost is-soċjetà’, żiedet tgħid il-Ministru Debono. Hija rreferiet ukoll għal mod ta’ kif ġie mtejjeb il-qasam soċjali f’Għawdex partikolarment bil-ftuħ taċ-Ċentru għal matul il-Jum ‘Santa Marta’ u permezz ta’ aktar ħaddiema li qed jaħdmu fil-qasam soċjali f’Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità l-Onor. Mario Galea wkoll indirizza l-konferenza. Huwa qal li minkejja t-tipi differenti ta’ problemi ta’ saħħa mentali li jeżistu huwa tajjeb li niffukaw ukoll fuq il-kwalitajiet ta’ kull persuna. Huwa rrefera għall-attenzjoni li trid tingħata meta każijiet partikolari jissemmew fil-media u sostna li hemm bżonn li l-membri tal-ġudikatura, politiċi, membri tal-kleru u pulizija għandhom ikunu aktar infurmati dwar problemi ta’ saħħa mentali. ‘Għandna bżonn aktar edukazzjoni. Il-mard mentali jista’ jiġi kkurat kemm-il darba jkun hemm ambjent li jittratta l-mard mentali bħal kwalunkwè tip ta’ mard ieħor. Hekk qed nagħmlu u hekk irridu nkomplu nagħmlu’, temm jgħid l-Onor. Mario Galea.
Il-konferenza ntemmet b’indirizz tas-Sinjura Kate Gonzi, President Onorarju ta’ l-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Mentali f’Malta. Hija spjegat kif l-għajnuna li tingħata minn membri tal-familja lil min ikun qed isofri minn nuqqas ta’ saħħa mentali għandha tkun waħda ta’ sostenn li tifhem is-sitwazzjoni filwaqt li ma tkunx affettwata minn stigma jew perċezzjoni pubblika. Is-Sinjura Gonzi fissret il-ħidma inizjali ta’ l-Assoċjazzjoni tal-Mard Mentali f’Malta li minn grupp żgħir ta’ nies kibret f’assoċjazzjoni li qed tagħti kontribut validu f’dan il-qasam b’mod speċjali permezz ta’ messaġġ ta’ tama u kuraġġ. Hija semmiet inizjattivi meħuda minn din l-assoċjazzjoni li kienu jinkludu l-pubblikazzjoni ta’ kotba għat-tfal kif ukoll kampanja kontra l-istigma marbuta ma’ dan il-qasam.
Kelliema oħra kienu jinkludu lill-Eċċellenza Tiegħu l-Isqof ta’ Għawdex, Mons Mario Grech li tkellem dwar ‘Id-Dipressjoni mill-Lenti Kristjana’ filwaqt li l-psikjatra Anton Grech għamel diskors dwar karatteristiċi ta’ mard mentali b’referenza għal Għawdex. Il-kelliema kienu jinkludu wkoll żewġ mistiedna barranin u oħrajn Maltin li fost l-oħrajn tkellmu dwar esperjenzi personali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990