IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAL NEGOZJI ŻGĦAR U ARTIJIET JASON AZZOPARDI JŻUR IL-KOPERATTIVA TAL-PILOTI MARITTIMI U L-KOPERATTIVA TAL-FOREMEN TAX-XATT
Is-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi llum żar il-Kooperattiva tal-Piloti Marittimi u l-Kooperattiva tal-Foremen tax-Xatt fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħaddiem organizzati mill-Union Ħaddiema Magħqudin.
Jason Azzopardi wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-progress li wettqu dawn iż-żewġ kooperattivi li f’temp ta’ ftit snin għamlu passi ta’ ġgant fis-setturi li huma jaħdmu fihom. Huwa qal li l-fatt li illum dawn jiġbdu ħabel wieħed, għall-ġid tal-klijenti li huma jaqdu, tal-membri li jħaddnu u tas-servizz li jagħtu lill-pajjiż f’din l-arterja prinċipali u tant importanti, ħaqqu ħajr u tifħir.
Akkumpanjat mis-Segertarju Ġenerali tal-UHM Gejtu Vella, Jason Azzopardi żar l-uffiċċji tal-Kooperattiva tal-Piloti tax-Xatt ġewwa Pinto Wharf, li fl-aħħar sena għamlet iżjed minn 10,000 servizz fil-portijiet ta’ Malta. Jesmond Mifsud, Chief Pilot, innota kif il-kooperattiva hija storja ta’ suċċess, għax kemm ilha mwaqqfa, għamlet investiment kbir fit-taħriġ kif ukoll f’pilot boat biex taqdi d-domanda dejjem tiżdied tal-portijiet tagħna. Huwa kompla li f’Mejju ta’ din is-sena ser jiġi konkluż kuntratt biex tinbena Pilot Boat oħra, sabiex jingħata servizz dejjem aħjar fiż-żewġ portijiet li qeghdin jilqgħu l-akbar vapuri li jinnavigaw fid-dinja. Huwa żied li l-kooperattiva tinsab fil-proċess li tiftaħ ċentru tat-taħriġ marittimu li se jkollu fih full mission simulator mill-aktar avvanzat għal pilotaġġ fl-Ewropa. Dan is-simulator mhux biss jista’ jintuża għat-taħriġ imma ukoll ħalli jsir Risk Assessment meta vapuri kbar ikunu se jgħamlu użu mill-portijiet tagħna.
Jason Azzopardi żar ukoll il-kooperattiva tal-Foremen tax-Xatt li hija responsabbli mill-importazzjoni u t-transhipments ta’ cargo u ta’ containers. Il-President tal-kooperattiva George Portelli stqarr li kemm ilha mwaqqfa l-kooperattiva mit-22 ta’ Frar 2008, għamlet progress fix-xogħol fil-waqt li espandiet l-operat tagħha. Jason Azzopardi ddawwar fl-uffiċini ġodda ta’ din il-kooperattiva fil-bini ta’ Transport Malta, f’Xatt l-Għassara tal-Għeneb.
Il-Ports Foremen huma responsabbli mill-ħaddiema kollha tax-xatt u jieħdu ħsieb kull operazzjoni li ssir fuq il-bastimenti tal-bahar bħal ħatt u t-tgħabija fuq l-art jew ship-to-ship, tal-bastimenti kollha li jidħlu fil-portijiet ta’ Malta.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990