Left arrow Mur Lura

STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI L-EKONOMIJA U INVESTIMENT

PR0755
Date Icon 29/04/2010

Il-Ministru Tonio Fenech jagħti struzzjonijiet lill-EneMalta biex tikteb lill-kumpanija BWSC biex il-kuntratt li ġie ffirmat dwar l-estensjoni tal-Power Station jiġi pubblikat

Il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech ta struzzjonijiet lill-EneMalta biex tikteb lill-kumpanija BWSC biex il-kuntratt li ġie ffirmat dwar l-estensjoni tal-Power Station jiġi pubblikat.

Dan il-kuntratt diġà għadda mill-iskrutinju tal-Awditur Ġenerali għaliex kien wieħed mid-dokumenti li ngħataw lill-Awditur Ġenerali matul l-investigazzjoni li għamel u li damet għaddejja 11-il xahar. Bħalma dan il-kuntratt għadda mill-għarbiel tal-Awditur Ġenerali, il-Gvern ma għandu l-ebda problema li dan il-kuntratt jiġi pubblikat.

L-EneMalta kitbet lill-BWSC biex il-kumpanija tinħall mill-confidentiality clause u l-kuntratt jiġi pubblikat. Kif inhi prassi normali f’kuntratti kummerċjali jkun hemm din il-klawsola għal raġunijiet kummerċjali u għalhekk irid ikun hemm il-qbil taż-żewġ partijiet biex dan jiġi pubblikat.

Il-pubblikazzjoni tal-kuntratt tkompli ġġib fix-xejn l-allegazzjonijiet infondati tal-Oppożizzjoni li hi aktar interessata li tfixkel milli tagħti kontribut fl-iżvilupp ta’ pajjiżna.

Wara xhur sħaħ ta’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, l-Oppożizzjoni ma resqet l-ebda prova ta’ korruzzjoni la quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi li hu mmexxi mid-Deputat tal-Oppożizzjoni Charles Mangion u lanqas quddiem l-Awditur Ġenerali. L-Awditur Ġenerali ma kkonkludiex li kien hemm korruzzjoni.

Dwar ir-rakkomandazzjonijiet li għamel l-Awditur Ġenerali għat-titjib fil-proċess tat-tendering, il-Gvern itenni li r-rakkomandazzjonijiet se jiġu implimentati.

Bil-pubblikazzjoni tal-kuntratt taqa’ wkoll allegazzjoni oħra tal-Kap tal-Oppożizzjoni li fil-kuntratt hemm penali ta’ €300 miljun ewro. Il-Kap tal-Oppożizzjoni, apposta, qiegħed jgħawweġ il-fatti u jimmiżinterpreta dak li qal il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment. It-€300 miljun li kien tkellem dwarhom il-Ministru Fenech huma l-ispiża li hi meħtieġa biex il-pajjiż ikollu provista adekwata ta’ enerġija u spejjeż oħra li jkun hemm f’kas li ma ssirx l-estensjoni.

Dawn il-ħlasijiet jinkludu kera għal impjant għall-ġenerazzjoni tal-elettriku biex tiżdied fuq dak li jipproduċi l-impjanti preżenti ta’ Delimara u l-Marsa; penali imposti mill-Unjoni Ewropea minħabba dewmien fl-għeluq tal-Power Station tal-Marsa; u spiża ogħla biex tibqa’ titħaddem il-Power Station tal-Marsa minħabba li bl-estensjoni ta’ Delimara, il-pajjiż jiffranka €500,000 fil-ġimgħa.

Bl-estensjoni tal-Power Station ir-rati tal-elettriku jkunu anqas minn kif trid l-Oppożizzjoni. L-Oppożizzjoni qed tagħmel kampanja u tippreferi li l-offerta tingħata lill-kuntrattur ieħor li bihom ikollhom jgħolew it-tariffi tal-elettriku. Bl-impjant li trid l-Oppożizzjoni, ir-rati jgħollew bi 30%. Mhux ta’ b’xejn li l-Kap tal-Oppożizzjoni f’Ġunju li għadda kien qal li hu ma jagħtix garanzija li jraħħas ir-rati tal-elettriku.

Bl-estensjoni tal-Power Station ta’ Delimara tingħalaq il-Power Station tal-Marsa li hi sors ta’ tniġġiż fl-arja. Bit-teknoloġija l-ġdida li se tintuża u li hi skont standards tal-Unjoni Ewropea, se jonqos it-tniġġiż u titjieb il-kwalita’ tal-arja.

Kuntrarju ta’ dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni, impjanti simili jintużaw fi Franza u Ċipru.

Ma’ din l-istqarrija, qed tiġi pubblikata l-ittra li ntbagħtet fuq direzzjoni tal-Ministru Tonio Fenech lill-Korporazzjoni EneMalta.

Ittra tal-Enemalta pr0755pdf

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow