AKTAR MINN 130 KADETT TAL-PULIZIJA JAGĦMLU XOGĦOL FILANTROPIKU BĦALA PARTI MIT-TAĦRIĠ TAGĦHOM
Il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, l-Onor. Carm Mifsud Bonnici dalgħodu żar l-Istitut Ġesù ta’ Nazaret fiż-Żejtun fejn qed isir xogħol ta’ manutenzjoni minn tmien kadetti tal-Pulizija li bħalissa qed isegwu t-taħriġ tagħhom fl-Akkademja tal-Pulizija. Il-kadetti jiffurmaw parti minn grupp ta’ aktar minn 130 li bdew kors ta’ taħriġ ta’ disa’ xhur f’Ottubru.
F’kelmtejn lit-tmien kadetti, il-Ministru qal li l-missjoni ewlienija tal-uffiċjal tal-Pulizija, tul iż-żmien, baqgħet dik li jiġġieled il-kriminalità fil-forom tagħha kollha u li jipproteġi l-membri tas-soċjetà mid-delinkwent. Ix-xogħol filantropiku li qed jagħmlu l-kadetti f’xejn inqas minn 20 istituzzjoni f’Malta w Għawdex tul din il-ġimgħa jimxi id f’id ma’ din il-missjoni għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, għax ix-xogħol ta’ fejda li jsir mal-membri tas-soċjetà li l-aktar għandhom bżonn l-għajnuna jgħin lil dawn il-persuni biex isiru inqas vulnerabbli għall-għemil tad-delinkwent, u t-tieni għax xogħol bħal dan jressaq il-membri futuri tal-Korp tal-Pulizija aktar viċin ta’ dawk li ser ikollhom id-dmir li jipproteġu.
F’kumment lill-ġurnalisti preżenti, il-Ministru Carm Mifsud Bonnici qal li l-Pulizija tal-lum irid ikun iffurmat b’tali mod li jkun ippreparat għall-problemi li qed tiffaċċja s-soċjetà tal-lum, kif ukoll delinkwenza iktar organizzata u istruita. “Illum m’għadux biżżejjed li l-Pulizija jkun bniedem twil u b’saħħtu, għax dan irid ikun ippreparat u makakk aktar minn dak li jkun ser iwettaq id-delitt. Dan jispjega għala fl-aħħar snin rajna aktar persuni b’livell ta’ edukazzjoni ogħla jidħlu bħala priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin,” qal il-Ministru.
Hu żied jgħid li l-Gvern qed jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex jipproteġi lis-soċjetà mill-kriminalità tul il-proċess kollu – ibda mit-tisħiħ tar-riżorsi umani tal-Korp tal-Pulizija b’rekluti ġodda li qed jiġu mħarrġa aħjar u spiċċa fit-tisħiħ tal-liġijiet tal-pajjiż, partikolarment il-Kodiċi Kriminali. Hu temm jgħid li fl-aħħar sentejn digà tressqu tliet settijiet ta’ emendi quddiem il-Parlament, bl-aħħar wieħed ikun il-pakkett intenzjonat biex jiġġieled reati relatati mal-pedofilija u l-abbuż sesswali fuq l-Internet, kif ukoll it-tisħiħ tal-pieni għal min jikser ir-regolamenti tat-traffiku. Dan l-abbozz bħal issa qed jiġi diskuss fi stadju ta’ kumitat
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990