Ġurnata ddedikata għall-bizzilla f’Għawdex
Il-Campus tal-Università ta’ Malta ġewwa Għawdex tella’ l-erbatax-il edizzjoni tal-Gozo Lace Day. Dan l-avveniment annwali għandu l-għan li jippromwovi u jkattar l-informazzjoni dwar ix-xogħol tal-bizzilla u għalhekk l-edizzjoni ta’ din is-sena kienet tinkludi wirja ta’ xogħlijiet maħdumin b’din is-sengħa filwaqt li kien hemm min kien qed jaħdem dan ix-xogħol fuq il-post. Uħud mix-xogħlijiet esebiti kienu jinkludu xogħol artiġjanali kontemporanju ta’ kwalità għolja filwaqt li taqsima partikolari ġiet imwaqqfa mill-OIDFA (International Organisation of Needle and Bobbin lace). Saru wkoll taħdidiet fuq materji relatati mas-suġġett.
Il-Professur Lino Briguglio, Direttur tal-Campus tal-Università f’Għawdex, introduċa lill-kelliema ewlenin li żaru ċ-ċentru waqt din l-attività u għamlu l-interventi tagħhom. Tkellmet ukoll is-Sinjura Consiglia Azzopardi li hi l-koordinatriċi tal-Lace Making Programme fi ħdan l-istess campus. Fid-diskors tagħha hija saħqet dwar il-ħtieġa li l-bizzilla tiġi mgħallma bħala suġġett akkademiku, biex filwaqt li jinżamm l-element tradizzjonali, jintlaħqu wkoll il-miri u d-domandi ta’ dawk li huma l-istili moderni fis-suq tal-bizzilla fiż-żminijiet ta’ llum.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex faħħret id-diversi inizjattivi meħuda mill-Campus tal-Università f’Għawdex u fissret kif il-ħidma kollettiva ta’ dawk kollha nvoluti rriżultat f’aktar servizzi edukattivi f’Għawdex. Dan jgħodd ukoll għall-programm dwar ix-xogħol tal-bizzilla li permezz tat-tagħlim ta’ materji relatati kiseb valur akkademiku ma’ dak artiġjanali. Il-Ministru spjegat kif din is-sengħa tirrappreżenta karatteristika ewlenija tal-prodott turistiku Għawdxi u hija parti intrinsika mit-tradizzjonijiet tal-gżira. Għaldaqstant għad għandha importanza ekonomika u valur bħala wieħed mill-prodotti awtentiċi tal-gżira ta’ Għawdex. Wara l-Ministru qassmet ċertifikati lill-ħames studenti li qed jattendu l-ewwel sena f’kors li jwassal għal Certificate in Lace Making.
Mistieden speċjali għall-attività ta’ din is-sena kien is-Sur Anton Tabone, li kien ex-Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti u l-ewwel Ministru għal Għawdex. Is-Sur Tabone feraħ lid-direttur u l-istaff tal-campus tal-Università f’Għawdex filwaqt li faħħar l-inizjattiva ta’ Consiglia Azzopardi. Huwa awgura li l-kors għal Diploma in Lace Studies jerġa’ jkun wieħed mill-korsijiet li jibdew fis-sena akkademika li jmiss. Huwa ħeġġeġ lill-Ministeru għal Għawdex u r-Rettorat tal-Università ta’ Malta biex ikomplu jsostnu l-ħidma tal-Campus tal-Università f’Għawdex. Is-sur Tabone rrakkomanda li x-xogħol ta’ kwalità li ġie maħdum fi ħdan il-Lace Making Programme fil-Campus f’Għawdex għandhom ikunu esebiti possibilment ġewwa mużew tal-bizzilla.
Għal din l-okkażjoni ġie inawgurat ktieb ta’ disinji u xempji tal-bizzilla li ntwerew f’edizzjonijiet passati tal-Gozo Lace Day, miġbur minn Consiglia Azzopardi. Kopji ta’ dan il-ktieb jistgħu jinkisbu mill-Koperattiva Għawdxija tal-Bizzilla u l-Artiġjanat.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990