JITLESTA T-TINDIF TAŻ-ŻEJT F’WIED IL-LUNZJATA
Ftit ġimgħat ilu ġie nnotat li kien hemm ammont ta’ żejt industrijali nieżel f’parti mill-Wied tax-Xlendi. Irriżulta li dan iż-żejt kien ħiereġ mill-pompa tad-drenaġġ li hemm fil-qrib, wara li din ġratilha ħsara minħabba l-qtugħ fis-sistema tal-elettriku. Hekk kif ġie rrapportat il-każ, il-Ministeru għal Għawdex ikkoordina u ffinanzja ħidma intensiva biex kemm jistà jkun setà jiġi evitat dannu rreparabbli.
Din il-ħidma li damet għaddejja madwar ġimgħa, saret b’kollaborazzjoni sħiħa mat-taqsima tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex, id-Dipartiment tal-Indafa Pubblika fi ħdan l-istess Ministeru u l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar. Il-Ministeru għal Għawdex ikkummissjona wkoll servizzi tekniċi tal-kumpanija Alpha Briggs.
Il-ħidma kienet tinkludi ġbir ta’ żejt minn ġol-wied b’tul ta’ kilometru, tindif mill-qiegħ tal-pompa tad-drenaġġ li hemm fil-wied, kif ukoll kontroll biex iż-żejt jitwaqqaf milli jinfirex u jibqa’ niżel sal-bajja tax-Xlendi.
Il-Ministeru huwa nformat li l-MEPA qiegħda tistudja l-każ b’mod xjentifiku biex tara x’impatt ħalla dan l-inċident u kif affettwa l-ilma, il-pjanti u l-annimali. Sadanittant, il-Ministeru għal Għawdex jikkundanna l-għaġir irresponsabbli ta’ min ikkawża dan it-tniġġiż filwaqt li jħeġġeġ lill-poplu biex jirrispetta l-ambjent naturali, li huwa l-qofol tal-identità partikolari tal-gżira.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990