Marzu b’riżultati tajbin ħafna għas-settur turistiku
F’Marzu li għadda kien hemm żieda ta’ 5,283 turist, jew 7.4 fil-mija iktar fuq l-istess xahar s-sena l-oħra. In-numru ta’ ljieli żdied b’93,805 jew 17.5 fil-mija filwaqt li n-nefqa mit-turisti żdiedet bi €12.4 miljun jew b’27.7 fil-mija.
Ċifri ppubblikati mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika llum juru li fl-ewwel tliet xhur tas-sena, anki bħala riżultat taċ-ċifri tajbin ħafna ta’ Marzu, kien hemm:
· Żieda fin-numru tat-turisti li żaru Malta: 12,423 aktar turisti ġew Malta meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
· Żieda fin-numru ta’ ljieli: Turisti qattgħu 88,156 iljieli iżjed.
· Żieda fin-nefqa: Zieda fin-nefqa ta’ €20.4 miljun fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra.
Marzu kkonferma x-xejra pożittiva fl-industrija tat-turiżmu. Issa kellna erba’ xhur konsekuttivi ta’ żieda fit-turiżmu f’pajjiżna. Dawn huma sinjali pożittivi li jindikaw li l-ħidma li qed jagħmel il-Gvern flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-istakeholders l-oħra fis-settur qed jibdew jagħtu r-riżultati mixtieqa,” qal is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Onor. Mario de Marco.
L-Onor. Mario de Marco qal li minkejja t-titjib irridu nibqgħu kawti, sew għaliex l-ekonomiji Ewropej għadhom ma ħarġux kompletament mill-kriżi ekonomika u finanzjarja; u anki għaliex kif urew dawn l-aħħar ġimgħat, din hija industrija volatili.
F’dan ir-rigward semma l-kriżi vulkanika li f’ġimgħa swietilna madwar 13,000 turist inqas u li anki kellha effett fuq il-bookings għall-ġimgħat u xhur li ġejjin minħabba l-inċertezza fuq is-suq.
Il-Ministri tat-Turiżmu tal-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea, illum iddiskutew l-impatt ta’ din il-kriżi, permezz ta’ Video Conference organizzata mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani. Waqt din il-Video Conference, Dr de Marco semma l-ħtieġa li l-Ewropa tieħu miżuri sabiex tilqa’ għall-kriżijiet bħal dawn. Hu spjega kif is-Segretarjat għat-Turiżmu, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-linja Nazzjonali u stakeholders oħrajn ħadmu id f’id sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent għat-turisti li nqabdu f’pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu stqarr li kemm-il darba l-istakeholders ikomplu jaħdmu flimkien, kif għamlu fil-kriżi ekonomika u finanzjarja u fil-kriżi vulkanika reċenti, nistgħu negħlbu d-diffikultajiet u r-riżultati jkomplu jitjiebu.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990