Left arrow Mur Lura

Il-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar jidħol fit-tmien  sena

PR0738
Date Icon 28/04/2010

Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, Kultura u Ambjent, l-Onor.  Mario de Marco dalgħodu żar lill-ħaddiema li qed jagħmlu l-aħħar preparazzjonijiet għat-tmien edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar li ser isir fid-29 u t-30 ta’ April. Għal dan il-festival ser ikun hawn fostna ġurija ta’ tliet barranin, esperti fil-piroteknika.

Dan il-festival jagħmel ukoll parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru l-anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea sitt snin ilu. Is-Segretarju Parlamentari ġie mdawwar max-xogħol li kien qed isir minn uffiċjali tal-kumitat organizattiv.

F’kumment li ta lill-ġurnalisti, s-Segretarju Parlamentari Mario de Marco sellem lill-vittmi tal-logħob tan-nar li mietu matul din is-sena.  Hu qal li “l-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar hu ċelebrazzjoni tal-poplu Malti u Għawdxi fil-bidu tal-istaġun tal-festi u rigal lill-eluf ta’ turisti li jkunu fostna  li anki jiċċelebraw magħna s-sitt anniversarju mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.”

Is-Segretarju Parlamentari Mario de Marco qal li din is-sena qed jipparteċipaw fil-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar disa’ Kmamar tan-nar lokali u zewg kumpaniji barranin. Hu qal li dan għandu jwassal biex ikun hemm kompetizzjoni u allura biex il-prodott ikun aqwa minn dak tas-snin l-imgħoddija. L-Onor de Marco ħabbar li fl-2012 ser tiġi organizzata f’Malta konferenza dinjija tal-piroteknika.

“Il-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar jittella’ ftit ġimgħat qabel l-ibliet u l-irħula f’pajjiżna jibdew jiċċelebraw il-festi tal-qaddisin titulari tagħhom. Għalhekk joffri lill-Maltin u lit-turisti li jkunu qed iżuruna togħma ta’ dak li jkunu ser jaraw tul ix-xhur kollha tas-sajf. Dan il-festival ifakkar ukoll avveniment importanti fl-iżvilupp politiku ta’ pajjiżna, is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea li minn mindu bdejna nagħmlu parti minnha, kibret minn 25 għal 27 pajjiż,” tenna Mario de Marco.

Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent qal li għal darb’oħra, l-Port il-Kbir ser ikun il-post fejn  ser jiġi organizzat dan il-festival.

Hu tenna li l-Port il-Kbir hu ċ-ċentru tal-attivitajiet f’pajjiżna, li jagħti kontribut qawwi għall-ħajja politika u soċjali ta’ Malta u li anki kabbar s-sehem tiegħu lejn is-settur turistiku bit-twettiq ta’ proġetti kbar bħal dak tal-Valletta Waterfront fuq naħa u tax-Xatt tal-Birgu, bil-yacht marina, il-Casinò di Venezia u l-ftuħ ta’ numru ta’ ristoranti fuq in-naħa l-oħra tal-istess port.

L-Onor. Mario de Marco irringrazzja lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għas-sehem tagħha biex jittella’ dan il-festival filwaqt li awgura lill-poplu Malti u Għawdxi kollu jipparteċipa bi ħġaru f’dan il-festival li issa daħal fil-kalendarju ta’ attivitajiet organizzati minn dan is-Segretarjat kull sena.

Il-programm sħiħ tal-Festival Intenazzjonali tal-Logħob tan-Nar 2010

29 ta’ April, 2010

21.00 Wirja li tagħti bidu għall-festival mill-Independent Fireworks Factory Qrendi

21.45 Wirja piro-mużikali mill-Orzella Fireworks Company (l-Italja)

21.40 Kompetizzjoni Maltija tal-Logħob tan-Nar minn fabbriki tan-nar Maltin:

·        Lourdes Fireworks Factory – Naxxar

·        St  Nicholas Fireworks Factory – Siġġiewi

·        La Stella Fireworks Factory – Gudja

22.15 Wirja kbira piro-mużikali mill-fabbrika ta’ Santa Marija, Mqabba

30 ta’ April, 2010

21.00 Wirja tal-ftuħ mill-Independent Fireworks Factory

21.15 Wirja kbira piro-mużikali mill-Mount Carmel Fireworks Factory, Żurrieq

21.40 Kompetizzjoni Maltija tal-Logħob tan-Nar

Tliet wirjiet kompetittivi qsar min fabbriku tal-logħob tan-nar Maltin:

·        St Mary Fireworks Factory – Mġarr

·        St Bartholomew Fireworks Factory –  Ghargħur

·        St Mary Fireworks Factory – Ghaxaq

22.30 Wirja grandjuża piro-mużikali mill-Parente Fireworks Factory –  l-Italja

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow