STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU DR LAWRENCE GONZI DWAR IL-VIŻITA UFFIĊJALI FIL-GOLF GĦARBI BEJN IL-11 U L-14 TA’ APRIL 2010
Mr Speaker,
Nixtieq ninforma lill-Kamra dwar il-viżita uffiċjali li kelli fil-Golf Għarbi ftit jiem ilu.
Id-delegazzjoni kienet tinkludi, fost oħrajn lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, l-Onor. Tonio Borg, lill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Finanzi, l-Onor. Tonio Fenech u lill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-pajjiżi tal-Golf, is-Sur Godwin Montanaro.
Konna akkumpanjati wkoll mill-kapijiet tal-Malta Enterprise, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u Finance Malta, kif ukoll minn delegazzjoni kummerċjali ta’ madwar 30 persuna.
Abu Dhabi
Il-Ħadd 11 ta’ April 2010
L-ewwel pajjiż li żort kien l-Emirati Għarab Magħquda fejn kelli laqgħa mal-Prim Ministru Sheikh Mohammed bin Rashid Al Maktoum. Sheikh Al Maktoum huwa l-Viċi President tal-Emirati Għarab Magħquda u l-mexxej ta’ Dubai. Iddiskutejna r-relazzjonijiet bilaterali kif ukoll spjegajt x’joffri pajjiżna lill-investituri minn Abu Dhabi li qed ifittxu swieq ġodda. Fil-laqgħa kien hemm ukoll aċċenn għall-progress li qed ikun irreġistrat fi Smart City Malta, għal titjib fil-konnessjonijiet bl-ajru bejn iż-żewġ pajjiżi, u l-opportunitajiet li toffri Malta fis-settur tat-turiżmu, l-edukazzjoni u Għawdex.
Minnufih wara indirizzajt Business Forum li għalih attendew madwar mitt negozjant minn Abu Dhabi, kif ukoll id-delegazzjoni kummerċjali Maltija. Dan sar fil-preżenza tal-Ministru tal-Kummerċ ma’ Barra tal-Emirati Għarab Magħquda, Sheikha Lubna.
Fi tmiem dan il-business forum, ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn Mohamed Rashed Al Hameli, Direttur Ġenerali tal-Abu Dhabi Chamber of Commerce and Industry u s-Sur Alan Camilleri, iċ-Chairman ta’ Malta Enterprise.
Matul dan il-Business Forum ġew organizzati laqgħat bejn id-delegazzjoni kummerċjali Maltija u sidien ta’ negozju minn Abu Dhabi. Saru bejn wieħed u ieħor 3 sa 4 laqgħat għal kull negozjant Malti wiċċ imb’wċċ ma’ imprendituri minn Abu Dhabi. Dawn ġew organizzati mill-Konsolat Malti f’Dubai flimkien mal-Malta Enterprise.
Kelli wkoll l-opportunità niltaqa’ mal-Maltin li jaħdmu Abu Dhabi, fejn esprimew il-potenzjal ta’ investiment barrani li Abu Dhabi jista’ jkollu f’Malta. Pajjiżna qiegħed isir popolari iktar minn qatt qabel f’Abu Dhabi. Il-fatt li llum aħna membri tal-Unjoni Ewropea u nħaddnu l-munita Ewro huwa għodda tassew importanti. Fil-fatt, f’kull laqgħa li kelli f’Abu Dhabi kien rilevat dan il-punt.
Laqgħa oħra importanti kienet dik maċ-Chief Operations Officer ta’ Mubadala Aerospace. Hawn ġie ffirmat ftehim bejn Technics u l-Malta Industrial Parks. Il-linja tal-ajru Etihad Airways għadha kif ordnat ix-xiri ta’ 100 ajruplan ieħor u ftit jiem ilu bdiet ukoll titjiriet diretti għal Melbourne fl-Awstralja u l-Ġappun. Huma wrew is-sodisfazzjon tagħhom għal fatt li l-ewwel ajruplan li ġabu f’Malta sar xogħol tajjeb ħafna fuqu u fi żmien inqas minn dak pjanat. Dan jawgura tajjeb għal pajjiżna sabiex inkomplu niksbu suċċessi fis-settur tal-manuntenzjoni tal-ajruplani. Illum pajjiżna jinsab fuq il-mappa ta’ din l-industrija u l-fama tagħna qiegħda tikber b’pass verament mgħaġġel.
Bahrain
It-Tnejn 12 ta’ April 2010
Il-Bahrain huwa pajjiż li qed jikber b’rata mgħaġġla, li jgawdi minn riżorsi naturali kbar, fosthom iż-żejt. Iżda li bħal Malta għandu problema fil-provvista ta’ ilma. Matul l-aħħar snin il-Bahrain beda jipproduċi l-ilma permezz ta’ desalination plants, hekk kif il-ħażna ta’ ilma tal-pjan spiċċat. Is-settur tas-servizzi finanzjarji huwa b’saħħtu ħafna f’dan il-pajjiż.
Finance Malta organizzat laqgħa li għaliha attendew numru mdaqqas ta’ nies li jaħdmu fis-settur finanzjarju fil-Bahrain flimkien mad-delegazzjoni kummerċjali Maltija. Kemm jien kif ukoll il-Ministru Fenech indirizzajna dan is-seminar, organizzat flimkien mal-Financial Times, fejn spjegajna dwar l-opportunitajiet li toffri Malta fis-settur finanzjarju. Minn dak li ntqal lili mill-Maltin preżenti, kien hemm rispons tajjeb min-naħa tal-persuni li jaħdmu f’Bahrain. Dawn jawguraw tajjeb sabiex is-settur finanzjarju Malti jkompli jikber u jissaħħaħ.
Kelli wkoll laqgħat politiċi. L-ewwel laqgħa kienet mal-Prim Ministru Sheikh Khalifa bin Salman al-Khalifa.
Il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg kellu laqgħat mal-Ministru tal-Istat tal-Affarijiet Barranin Dr Nizar bin Sadeq Al Baharna. Hawn intlaħaq ftehim fuq konsultazzjoni politika bejn il-Ministeri rispettivi u dan għandu jiġi ffirmat fil-futur qarib. Qed jiġu diskussi wkoll ftehimiet oħra fejn qbilna diġà fil-prinċipju fuq dak tal-garanzija tal-investiment. Ma setax jonqos ukoll li niddiskutu l-possibbiltà li l-Gvern tal-Bahrain jagħti visas fl-ajruport lil dawk il-Maltin li jżuru dan il-pajjiż.
Fil-Bahrain, il-Ministru Tonio Fenech iffirma ftehim ta’ ħelsien minn tassazzjoni doppja. Dan il-ftehim ġie ffirmat mal-Ministru tal-Finanzi u l-Ekonomija Sheikh Ahmad bin Muhammed bin Hamad Abdallah Al Khalifa.
It-turiżmu, is-servizzi finanzjarji, l-edukazzjoni u l-industrija tal-avjazzjoni kienu l-iktar temi diskussi fil-laqgħat li kelli jien u l-Ministri Borg u Fenech.
F’dan il-pajjiż ukoll, ġew organizzati laqgħat għad-delegazzjoni kummerċjali. Dawn kienu laqgħat li saru f’postijiet differenti skont in-natura tan-negozju.
Żort ukoll investiment Malti fil-Bahrain. Kumpanija ta’ sidien Maltin qiegħda timmanifattura għamara fil-Bahrain u tesporta fil-pajjiżi tal-Golf. Kien ta’ sodisfazzjon għalija li nara suċċess bħal dan minn negozjanti Maltin, barra minn xtutna. Dan juri li l-Malti kapaċi jaħdem u jikkompeti anke fi swieq tant kbar u miftuħa.
Kuwait
It-Tlieta 13 ta’ April 2010
Fil-Kuwait kelli taħditiet mal-Prim Ministru Sheikh Nasser Mohammed al-Ahmed al-Sabah. Hawnhekk smajt dwar kif il-Kuwait ħareġ mill-gwerra mal-Iraq u reġa’ żviluppa l-ekonomija tiegħu. Ekonomija li qiegħda tkun diversifikata u mhux biss ibbażata fuq ir-riżorsi naturali li jgawdi minnhom dan il-pajjiż.
Huwa ta’ unur għal pajjiżna li f’din il-laqgħa saret riferenza għal diversi drabi għall-President Emeritus Dr Guido de Marco, li jibqa’ mfakkar fil-Kuwait għal mod kif laqa’ lil Amir tal-Kuwait ġewwa l-bini tan-Nazzjonijiet Uniti meta pajjiżu kien għadu okkupat mill-forzi tal-Iraq.
Dal-fatt ġie msemmi wkoll mill-Amir tal-Kuwait Sheikh Sabah Al Ahmad Al Jaber Al Sabah kif ukoll mill-Prim Ministru al-Ahmed al-Sabah. It-tnejn li huma wiegħdu li jiġu f’pajjiżna u awguraw li din iż-żjara tkun il-bidu għal relazzjonijiet iktar b’saħħithom bejn iż-żewġ pajjiżi. L-Amir tal-Kuwait kien ukoll sodisfatt li f’Malta twaqqaf uffiċċju konġunt bejn id-dinja Għarbija u l-Kummissjoni Ewropea.
Illum f’pajjiżna diġà hawn fostna numru sabiħ ta’ studenti mill-Kuwait li jistudjaw fl-Università ta’ Malta. Il-Prim Ministru tal-Kuwait irrimarka kif meta kien hawn Malta, f’viżita privata, iltaqa’ ma’ dawn l-istudenti u li stqarru s-sodisfazzjoni kbir tagħhom kemm mil-livell ta’ studju li toffri l-Università kif ukoll mill-fatt li Malta hija pajjiż sikur.
Laqgħa oħra kienet dik mal-iSpeaker tal-Assemblea Nazzjonali, Jassim Mohammed Al-Kharafi.
Fi tmiem il-laqgħa mal-Prim Ministru, il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg iffirma tliet ftehimiet ma’ żewġ Ministri tal-Kabinett tal-Kuwait. Ftehim importanti huwa dak dwar is-saħħa li jippermetti skambju ta’ informazzjoni. Ma’ Sheikh Dr Mohammad Sabah Al-Salem Al-Sabah ġew iffirmati ftehimiet dwar kooperazzjoni politika u ieħor dwar is-settur tal-komunikazzjoni.
Il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg kellu laqgħat mas-sidien tal-bank Fimbank li llum jopera f’pajjiżna. Huwa kien akkumpanjat mir-rapreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Industrija u Intrapriża, GRTU, Malta Enterprise, MTA u Finance Malta. Ġew diskussi diversi temi fosthom dawk ta’ kif din il-kumpanija tista’ tkabbar l-investiment tagħha f’Malta.
Qatar
L-Erbgħa 14 ta’ April 2010
Iż-żjara fil-Qatar issegwi ż-żjara li f’Awwissu li għadda għamel il-President Ġorġ Abela li kien akkumpanjat mill-Viċi Prim Ministru Tonio Borg. F’din iż-żjara kienu ffirmati sitt ftehimiet ma’ dan il-pajjiż.
Din id-darba ġew iffirmati tliet ftehimiet oħra mill-Viċi Prim Ministru. Dan iwassal biex f’temp ta’ ftit xhur pajjiżna jkollu disa’ ftehimiet mal-Qatar.
Il-laqgħa tiegħi mal-Prim Ministru Sheikh Hamad bin Jassem bin Khalifa al-Thani kienet waħda kordjali ħafna. Iddiskutejna bosta temi iżda l-enfasi kien dak ta’ investiment li l-Qatar jagħmel barra minn pajjiżu. Huwa ddeskriva lil Malta bħala pajjiż li jgawdi pożizzjoni unika, li għandu bosta similaritajiet mal-Qatar u li għandu jservi bħala kalamita għat-turiżmu. Il-possibbiltà ta’ link dirett bl-ajru kienet ukoll diskussa flimkien mal-ħruġ ta’ visas għall-Maltin li jridu jwettqu negozju mal-Qatar. Il-fatt li Malta hija membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea u taż-żona Ewro huwa meqjus mill-Qatar bħala għodda tajba ħafna sabiex Malta tkompli tattira l-investiment.
Żjara interessanti kienet dik fil-Qatar Foundation u Education City li huwa kunċett interessanti ferm u li diġà beda jħalli l-frott f’dan il-pajjiż.
Mr Speaker,
Malta hija pajjiż li jgawdi rispett kbir u fiduċja internazzjonali.
Il-laqgħat li kelli fil-Golf Għarbi jikkonfermaw dan. Dan iċ-ċertifikat tawhulna kemm l-awtoritajiet kif ukoll l-operaturi ekonomiċi u istituzzjonijiet edukattivi. Huwa ta’ unur li tara gvernijiet oħra jqisu lil pajjiżna bħala sħab eċċellenti għan-negozju. Tħossok kburi b’pajjiżna tisma’ l-ogħla diriġenti ta’ kumpaniji internazzjonali jfaħħru l-livell ta’ taħriġ li l-ħaddiema tagħhom qed jieħdu mill-istituzzjonijiet edukattivi ta’ pajjiżna.
Qabel ma nagħlaq din l-istqarrija, nixtieq nirringrazzja pubblikament lill-uffiċjali kollha fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, il-Malta Enterprise u l-Konsolat Malti f’Dubai, għax-xogħol kollu li wettqu biex din il-viżita uffiċjali tkun suċċess u tħalli l-frott mixtieq f’investiment, opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u studju, u t-tisħieħ fir-relazzjonijiet.
Din iż-żjara kompliet ikkonfermat kemm il-Viżjoni Malta 2015, il-viżjoni li tidderieġi l-ħidma kollha tal-Gvern, hija viżjoni fattibbli u kemm din għandha twassal għall-qabża ta’ kwalità li jmiss fl-istorja ekonomika, soċjali u kulturali ta’ pajjiżna. Aħna għarafna l-oqsma fejn għandna vantaġġi partikolari u rridu niżviluppawhom biex kull membru tas-socjetà tagħna jkun jista’ jilħaq il-milja tiegħu.
Mr Speaker,
Nagħlaq billi nistieden liż-żewġ naħat tal-Kamra sabiex naħdmu flimkien ħalli pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem. Dawn huma mumenti speċjali li d-dinja qed tgħix u xejn anqas pajjiżna. Huma mumenti li jekk naħdmu flimkien jien ċert li pajjiżna jkompli jissaħħaħ u l-ħajja tal-familji u tat-tfal tagħna jitkattrulhom l-opportunitajiet ta’ karrieri, xogħol u kwalità ta’ ħajja.
Il-viżita uffiċjali li kelli fil-Golf Għarbi kkonfermat li anki f’dawn il-mumenti, l-unika triq li tagħmel sens hija li nintensifikaw l-ħidma tagħna biex nattiraw aktar investiment lejn pajjiżna u jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ xogħol. Jiena konvint li l-imsieħba soċjali, is-settur privat kif ukoll is-soċjetà ċivili qed jagħrfu din l-isfida u jridu jaħdmu id f’id mal-Gvern biex flimkien negħlbu kull sfida.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990