Left arrow Mur Lura

ĊELEBRAT JUM IX-XAGĦRA

PR0729
Date Icon 27/04/2010

Fil-jiem li għaddew ġie ċelebrat jum ix-Xagħra fejn, waqt ċerimonja, ġie ppreżentat l-unur ta’ Ġieħ ix-Xagħra.  F’din l-attività ħadu sehem l-istudenti tal-iskola primarja tal-lokalità, il-kor Maria Bambina, il-Banda Victory u diversi żeffiena żgħażagħ oħra kollha mix-Xagħra. 

Waqt din l-attività, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said tkellem dwar l-importanza tal-ħidma tal-kunsilli lokali mal-għaqdiet tal-lokalità u qal li huwa permezz ta’ din il-ħidma li l-komunità kollha tħossha parteċipi f’dak li jkun qed iwettaq il-kunsill. 

Huwa qal li l-kunsilliera ma jistgħux jaħdmu waħedhom u biex il-lokalità timxi ’il quddiem bilfors iridu jinvolvu għaqdiet u assoċjazzjonijiet li jkunu ffukati fuq oqsma partikolari.  Chris Said emfasizza l-importanza tax-xogħol volontarju fil-lokalitajiet u qal li l-kunsilli lokali għandhom jagħmlu min kollox biex jinkoraġixxu dan u jagħtu l-opportunitajiet fejn wieħed jaħdem. 

Is-Segretarju Parlamentari semma kif it-tiġdid tal-kunsilli lokali qed jara li l-kunsilli lokali jaħdmu aktar mill-qrib mal-għaqdiet u l-volontarjat fil-lokalitajiet, għax huwa permezz ta’ dan li t-talent, ideat, enerġija u inizjattivi ta’ nies li m’humiex parti mill-kunsill lokali, jistgħu jiġu sfruttati ħalli kull kunsill jilħaq il-milja tiegħu. 

Chris Said tkellem dwar l-importanza li kull kunsill lokali jsir one stop shop li joffri l-aqwa servizz lir-residenti.  Biex iseħħ dan il-kunsill irid ikollu post tajjeb minn fejn jiffunzjona u l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex jgħin lill-kunsilli lokali jkollhom iċ-ċentru ċiviku tagħhom.  Il-Kunsill Lokali tax-Xagħra ħa propjetà b’devoluzzjoni mingħand il-Gvern u bħalissa għaddej bix-xogħol biex ir-residenti tax-Xagħra wkoll jibbenefikaw minn servizz aħjar mogħti minn ċenrtu ċiviku modern. 

L-unur ta’ Ġieħ ix-Xagħra ngħata lis-Sur Joseph Camilleri, li kien fundatur tal-klabb tal-futbol tal-lokalità u għal snin twal surmast tal-banda tax-Xagħra. Joseph Camilleri kien ukoll fotografu u issa għadda r-ritratti tiegħu lill-Parroċċa sabiex jiġu esebiti f’mużew.  Is-Segretarju Parlamentari Chris Said iddeskriva lil Camilleri bħala mudell li mhux biss ħadem f’ħafna oqsma tal-komunità tiegħu, iżda ra li x-xogħol tiegħu ma jintilifx u jibqa’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow