STQARRIJA TAL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
L-OPPOŻIZZJONI GĦAL AKTAR MINN 3 XHUR BAQGĦET MA NNOMINAT L-EBDA DEPUTAT FUQ KUMITAT PARLAMENTARI
L-oppożizzjoni fl-istqarrija tagħha ammetiet, li wara tliet xhur li ġiet mitluba mill-Gvern biex tinnomina żewġ membri għall-Kumitat Parlamentari, baqgħet ma nnominat lill-ħadd. Kien biss illum - wara tliet xhur u wara stqarrija pubblika oħra - li l-oppożizzjoni ħabbret l-ismijiet taż-żewġ deputati li se jservu fuq il-Kumitat u l-ismijiet taż-żewġ sostituti.
Il-Gvern u l-oppożizzjoni kienu qablu li jitwaqqaf il-Kumitat Parlamentari biex jagħti l-pariri tiegħu lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern skont il-liġi. Fuq it-twaqqif u x-xogħol tal-Kumitat kien hemm il-qbil bejn iż-żewġ naħat tal-kamra. Dan il-qbil sar waqt dibattitu pubbliku li kien għaddej dwar is-suġġett.
Għalhekk il-Gvern bi stqarrija pubblika, li kien ħareġ fl-20 ta’ Jannar 2010 kien talab lill-oppożizzjoni, immexxija mill-Kap tal-Oppożizzjoni, biex tagħżel il-membri min-naħa tal-oppożizzjoni biex iservu fuq dan il-Kumitat. Minkejja li l-Oppożizzjoni, minn dakinhar ‘il quddiem, għamlet diversi diskorsi oħra dwar is-suġġett baqgħet qatt ma pproponiet l-ismijiet tad-deputati laburisti biex ikunu fuq dan il-kumitat. Dan kien nuqqas li ġej min-naħa tal-Oppożizzjoni u mhux min-naħa tal-Gvern.
L-istqarrija tal-Oppożizzjoni tal-llum, li tgħid li ma kienx hemm konsultazzjoni fuq kumitat li kien hemm qbil dwaru, hi biss skuża. Skuża biex tipprova tgħatti n-nuqqas tagħha li għal tliet xhur sħaħ, minkejja d-diskorsi li għamlet fuq is-suġġett, baqgħet qatt ma tat lill-Gvern l-ismijiet tad-deputati min-naħa tal-oppożizzjoni biex iservu fuq il-kumitat parlamentari.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990