Left arrow Mur Lura

IL-JUM INTERNAZZJONALI TAL-KTIEB IMFAKKAR F’GĦAWDEX

PR0707
Date Icon 23/04/2010

Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, dalgħodu inawgurat wirja ta’ madwar elf ktieb ġdid fil-Librerija Pubblika ta’ Għawdex. Dan hekk kif illum, għat-tlettax-il sena konsekuttiva, ġie mfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Ktieb fl-istess librerija.

Bosta minn dawn il-kotba nxtraw fuq suġġerimenti tal-pubbliku, b’mod speċjali tal-istudenti li jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-librerija pubblika f’Għawdex. Jinkludu kotba ta’ natura akkademika, rumanzi, dawk għall-adulti kif ukoll dawk għal età minn livell primarju sa dak universitarju. Hemm ukoll esebita kollezzjoni ta’ mitt ktieb ġdid fis-sezzjoni tal-Melitensia, liema kotba ġew mogħtija lil-Librerija Pubblika skont il-Legal Deposit Act.

Waqt programm imtella’ għall-okkażjoni, il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono semmiet kif ta’ kull sena l-Ministeru għal Għawdex, permezz tat-Taqsima tal-Libreriji, jikkordina ħidma u servizzi fil-libreriji pubbliċi f’Għawdex. Dawn jinkludu ż-żewġ libreriji pubbliċi prinċipali fir-Rabat kif ukoll tnax-il fergħa mxerrdin mal-lokalitajiet f’Għawdex. Jingħataw ukoll servizzi oħra minn librerija żgħira fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Il-Ministru semmiet kif is-sena li għaddiet inxtraw aktar minn 1,200 ktieb li tqassmu fil-libreriji kollha madwar Għawdex. L-Onor. Debono saħqet ukoll dwar l-importanza tal-ktieb filwaqt li semmiet kif fis-sena 2009, ġew imsellfa kważi 58,000 ktieb mill-Gozo Lending Library tar-Rabat u 61,000 ktieb ieħor mil-libreriji tal-irħula madwar Għawdex.

Is-Sur Pierre J. Mejlak u l-Prinċipal tal-Gozo College, il-Kav. Frank Gatt għamlu wkoll l-interventi tagħhom. Il-programm kien jinkludu wkoll għotjiet ta’ kotba bħala rikonoxximent lil dawk il-persuni li l-aktar jissellfu kotba minn kull fergħa ta’ libreriji f’Għawdex u mill-Gozo Lending Library. Barra minn hekk tqassmu premjijiet lir-rebbieħa fost l-istudenti tal-Iskejjel Primarji u Sekondarji li ħadu sehem f’kompetizzjoni dwar ix-xogħlijiet letterarji ta’ Mons. Anton Saliba.  Saru wkoll diversi donazzjonijiet lil-Librerija Pubblika, li kienu jinkludu teżijiet minn studenti Għawdxin u kotba ġodda mingħand aġenti tal-kotba. Il-programm kien imżewwaq ukoll b’interventi mużikali provduti mill-istudenti tal-Iskola Primarja tal-Għarb, taħt it-tmexxija ta’ Helga Vella. Saret ukoll it-tnedija tal-ktieb ġdid Malta at War: Vol 4.

Il-Jum Internazzjonali tal-Ktieb ġie mfakkar ukoll b’żewġ attivitajiet oħra li saru matul din il-ġimgħa b’kollaborazzjoni mal-Literacy Unit fi ħdan il-Gozo College. L-attivitajiet kienu jinkludu kommemorazzjoni tal-kittieb u poeta Għawdxi l-Kan. Joe Mejlak (1944-2008) permezz ta’ qari ta’ poeżiji bil-parteċipazzjoni ta’ studenti u adulti kif ukoll serata ta’ qari ta’ poeżiji ta’ Ġorġ Pisani (1909-1999) bis-sehem ta’ studenti tal-Iskola Primarja ta’ Victoria fi ħdan il-Gozo College.

Din il-wirja se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sas-Sibt, 8 ta’ Mejju 2010. Il-Kapijiet tal-iskola ġew mistiedna biex bħas-snin l-imgħoddija jorganizzaw żjajjar għall-istudenti tagħhom f’din il-librerija.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow