STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAT-TURIŻMU, L-AMBJENT U L-KULTURA: L-IMPATT TAL-KRIŻI VULKANIKA FUQ IS-SETTUR TURISTIKU MALTI
Il-bieraħ kienet l-ewwel ġurnata mill-15 ta’ April ’l hawn li t-titjiriet minn u għal Malta saru kważi kollha kif ippjanat. Is-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura qies l-impatt li l-kriżi kaġunata mill-irmid tal-vulkan Islandiż kellha fuq is-settur turistiku ta’ pajjiżna hu wieħed relevanti ħafna.
Bejn il-Ħamis 15 ta’ April u l-bieraħ l-Erbgħa 21 ta’ April:
ü Intilfu 336 titjira minn u lejn Malta.
ü In-numru ta’ movimenti tal-passiġġieri għall-istess perijodu naqsu b’51.8 fil-mija, ekwivalenti għal 32,044 passiġġier inqas fuq iż-żewġ naħat. Dan ifisser li madwar 16,000 passiġġier inqas ivvjaġġaw lejn Malta meta mqabbel mal-istess perijodu s-sena l-oħra.
ü Huwa stmat li miċ-ċifra ta’ 16,000 passiġġier, madwar 13,000 kienu jkunu turisti lejn pajjiżna.
ü Jekk nieħdu medja li t-turisti jdumu Malta sebat iljieli, li hi normali matul dan iż-żmien tas-sena, intifu 91,000 lejl.
Dan l-impatt ġie mnaqqas in parti minn ammont ta’ turisti li baqgħu Malta iktar milli previst għaliex ma setgħux imorru lura f’pajjiżhom. Matul dawn l-aħħar ġranet però numru ta’ dawn it-turisti irnexxilhom jitilqu minn pajjiżna grazzi għal titjiriet żejda li saru lejn ajruporti li kienu miftuħin.
L-inċertezza li kien hemm f’dawn l-aħħar ġranet dwar kemm setgħet iddum il-kriżi vulkanika effetwat ukoll in-numru ta’ bookings minn turisti għall-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Hu għalhekk kmieni wisq biex wieħed jagħmel stima preċiża tal-impatt li l-kriżi vulkanika kellha fuq is-settur tat-turiżmu f’Malta.
Ta’ min wieħed jirrileva li pajjiżna huwa l-aktar pajjiż fl-Ewropa li jiddependi fuq l-aċċessibiltà bl-ajru għat-turiżmu.
Wieħed għandu iżda jħares ’il quddiem b’sens ta’ determinazzjoni u ta’ aktar ħidma sabiex is-settur turistiku f’pajjiżna ikompli fuq is-sinjali pożittivi li kien qed juri fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew.
Hekk kif l-istakeholders fit-turiżmu ħadmu flimkien sabiex jgħelbu l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja internazzjonali tas-sena li għaddiet, u hekk kif l-istakeholders fit-turiżmu, f’dawn l-aħħar ġranet ħadmu flimkien biex inaqqsu l-inkonvenjent lit-turisti maqbuda f’pajjiżna minħabba il-kriżi vulkanika, is-Segretarjat għat-Turiżmu jappella lill-istakeholders kollha fit-turiżmu sabiex jaħdmu flimkien mal-Gvern u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex is-settur tat-turiżmu jegħleb l-impatt tal-kriżi vulkanika sabiex jerġa’ jimxi fuq il-passi tax-xhur preċedenti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990