SKEJJEL ĠODDA U TA’ KWALITÀ GĦAL ULIEDNA
Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jgħarraf illi fis-sena skolastika li ġejja se jsir xi ċaqlieq ta’ studenti minn skola għal oħra biex jiġi żgurat li dawn ikollhom l-aħjar faċilitajiet edukattivi possibbli. Waqt li l-maġġoranza tal-iskejjel se jibqgħu joperaw bħal din is-sena skolastika, il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja iħabbar li se jkun hemm il-ftuħ ta’ skola sekondarja ġdida għas-subien fil-Mosta u li fl-istess żmien se titlesta’ parti oħra mill-iskola sekondarja tas-subien f’Għawdex.
Il-ftuħ ta’ skejjel ġodda, tal-ogħla livell, ifisser li l-Gvern jista’ jibda jagħlaq skejjel, li ma kienux mibnija bħala skejjel, u jibda jagħmel ċerti trasferimenti ta’ studenti u ħaddiema biex kollha jkollhom ambjent aħjar fejn jitgħallmu u jaħdmu.
Bil-ftuħ tal-iskola sekondarja tas-subien fiż-Żokrija l-Mosta, se jinħoloq spazju ieħor fi skejjel oħra u għalhekk ittieħdet id-deċiżjoni li tingħalaq l-iskola San Franġisk t’Assisi f’Santa Venera, fejn dal-għodu saret protesta minħabba din id-deċiżjoni. Din il-binja kienet maħsuba u serviet bħala birrerija u bdiet tintuża bħala skola fis-snin 70. Illum il-ġurnata, waqt li d-Direttorat u l-Ministeru jirrikkonoxxu s-servizz tajjeb ta’ edukazzjoni li ngħata f’din l-iskola, ittieħdet id-deċiżjoni li din l-iskola tingħalaq. L-istudenti ta’ din l-iskola se jmorru fl-iskejjel ta’ B’Kara (Ta’Paris) fi ħdan l-istess Kulleġġ, għall-istudenti li se jkunu fit-tielet sena; dawk tar-raba’ u l-ħames sena se jmorru fl-iskola sekondarja ta’ Ħaż-Żebbuġ fi ħdan il-Kulleġġ San Injazju. Il-ħaddiema u l-għalliema fl-iskola San Frangisk t’Assisi kollha se jsibu posthom fi skejjel oħra u qed jingħataw l-opportunità li juru l-preferenza tagħhom. Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, waqt li se jalloka l-ħaddiema skont l-esiġenzi tas-servizz, se jqis ix-xewqat tal-ħaddiema.
Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ħaseb biex jikkomunika mal-impjegati, mal-istudenti u mal-ġenituri minn ħames xhur qabel ma ssir il-bidla, biex kulħadd ikun jaf bid-deċiżjonijiet li qed jittieħdu wara ħafna ppjanar u konsultazzjoni. Filwaqt li jitlestew l-iskejjel il-ġodda, issa hu possibbli li jibdew jintużaw l-aħjar strutturi li għandna biex titkompla tingħata edukazzjoni ta’ kwalità lit-tfal tagħna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990