DEPUTAT SEGRETARJU ĠENERALI MALTIJA FL-UNJONI TAL-MEDITERRAN
Is-Sinjura Cecilia Attard Pirotta ġiet nominata mill-Gvern Malti bħala l-ewwel Deputat Segretarju Ġenerali ta’ nazzjonalità Maltija fis-Segretarjat tal-Unjoni tal-Mediterran.
Minn 43 pajjiż li jiffurmaw l-Unjoni tal-Mediterran, Malta hija waħda minn 6 pajjiżi li għandhom dritt li jkollhom Deputat Segretarju Ġenerali. Is-Segretarjat tal-Unjoni tal-Mediterran se jkun ibbażat f’Barcelona, Spanja. L-Unjoni tal-Mediterran tinkludi l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u diversi pajjiżi oħra li jmissu mal-baħar Mediterran.
Is-Sinjura Attard Pirotta ilha isservi fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin mill-1983. Matul dawn is-snin, qdiet id-dmir tagħha f’diversi rwoli fosthom ta’ Direttur, Ambaxxatur u ta’ Segretarju Permanenti. Kienet l-ewwel mara fil-grad ta’ Segretarju Permanenti fi ħdan iċ-Ċivil u l-ewwel mara ambaxxatur residenti.
Wara li serviet Ambaxxatriċi Maltija fi Spanja, ġiet nominata Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fl-2004.
Mexxiet diversi delegazzjonijiet tal-Gvern Malti fuq materji diversi kif ukoll mexxiet proġetti tal-Ministeru u Ambaxxati. Is-Sinjura Attard Pirotta kienet ukoll il-kap ta’ Units imwaqqfa apposta meta kien hemm xi emerġenza internazzjonali.
Hija studjat fl-Università ta’ Malta fejn iggradwat fil-B.A. Hons in Public Administration u iktar tard kisbet Masters fl-Istudju Diplomatiċi mal-Akkademja Mediterranja ta’ Studji Diplomatiċi.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990