Left arrow Mur Lura

IL-FOLKLOR PARTI IMPORTANTI MILL-IDENTITÀ MALTIJA

PR0697
Date Icon 22/04/2010

Siltiet minn diskors li s-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, Mario de Marco għamel waqt it-tnedija tal-GħanaFest 2010

Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, fejn hemm 27 Stat membru, jagħmilha iktar importanti li naħdmu flimkien biex inħarsu l-identità tagħna li tinbena fuq il-kultura, l-istorja, d-drawwiet u t-tradizzjoni. L-Unjoni Ewropea hi mibnija fuq id-diversità. Min-naħa l-oħra, aħna bnejna fuq id-diversità l-identità tagħna li wasslitna biex sirna nazzjon sovran.

Il-folklor jagħmel parti minn din it-tradizzjoni li ssaħħet tul l-istorja millenarja ta’ pajjiżna meta, fiż-żmien li Malta kienet okkupata minn diversi nazzjonijiet, il-Maltin żammew l-identità tagħhom għaliex għarfu jgħaddu minn familja għall-oħra, u minn ġenerazzjoni għall-oħra dawn it-tradizzjonijiet.

Skont studjużi Maltin l-għana tmur lura għas-Seklu 18. Iżda l-loġika tgħid li l-għana Malti jmur ferm iktar lura fiż-żmien, dan tixhdu r-rabta u x-xebh li nsibu mal-Għarbi. L-għana tirrapreżenta “il-ħajja sempliċi tal-bdiewa Maltin” u “l-ambjent naturali intatt tal-gżira” Fil-fatt Ciantar jargumenta li l-għeruq tal-għana huma midfunin fil-fond fil-ħajja tradizzjonali tal-Maltin, tant li t-tnejn jsiru sinonimi ma’ xulxin. Hu jargumenta li dawn il-kanzunetti jqajjmu l-memorja tal-istess għeruq tal-poeżija u l-letteratura Maltija. Dun Karm Psaila, il-poeta nazzjonali, jorbot “l-għana għar-rikreazzjoni u l-aspirazzjonijiet tan-nies komuni”.

Gużè Cassar Pullicino studjuż ewlieni tal-folklor u l-kitba bil-Malti fl-1953 organizza l-ewwel kompetizzjoni tal-għana permezz tas-Soċjetà Agrarja Maltija għall-okkażjoni tal-festa popolari tal-Imnarja. Din il-kompetizzjoni baqgħet tiġi organizzata għal snin wara u m’hemmx dubbju li kellha effett salutarju fuq l-għana f’pajjiżna. Fl-2005 b’rikonoxximent għall-ħidma tiegħu favur il-folklor, il-Festival tal-Għana ġie dedikat għal dan il-kittieb Malti li miet fit-13 ta’ Marzu tal-istess sena.

Filwaqt li tista’ tgħid li jittellgħu festivals ta’ dan it-tip f’kull pajjiż madwar id-dinja, l-Għanafest għandu viżjoni partikolari li tiddistingwieh minn festivals oħrajn. Ħafna festivals folk ta’ pajjiżi oħra m’għandhomx identità marbuta ma’ reġjun speċifiku. Aħna permezz tal-Għanafest qed niċċelebraw l-identità Maltija f’kuntest Mediterranju. L-Għanafest jippreżenta l-għeruq tat-tradizzjoni Maltija u l-friegħi li qed jikbru lejn forom ġodda ta’ mużika b’identità lokali f’kuntest Mediterranju. Il-Mediterran fih l-ingredjenti kollha tan-nies li sawwruh u okkupawh. Hekk kif insibu l-għana f’Malta, insibu wkoll l-għana fid-diversi forom tagħha fil-pajjiżi Mediterranji bħal Spanja, Sqallija u l-pajjiżi tal-Magreb. L-elementi komuni huma l-istess influwenzi storiċi.

Tlettax il-sena ilu ġie organizzat għall-ewwel darba Festival Nazzjonali tal-Għana. Minn dak iż-żmien dan il-festival baqa’ jiġi organizzat kull sena fil-Ġonna tal-Argotti u baqa’ jiġbed il-folol, sinjal ċar li l-għana f’pajjiżna għandha għeruq qawwija. Tul is-snin il-popolarità ta’ dan kompliet tikber tant li tul dawn l-aħħar sentejn hu kkalkulat li l-attendenza fl-Argotti kienet ta’ 2,300 mifruxa fuq it-tliet ijiem tal-festival. Is-suċċess tal-festival wassal biex bdew jiġu mistiedna anke għannejja barranin. Il-gruppi mill-Mediterran li jintgħażlu għall-Għanafest huma gruppi li qed jiżviluppaw il-mużika tradizzjonali ta’ pajjiżhom fuq dimensjoni ġdida. B’dan il-mod il-Għanafest qed jirrapreżenta taqsima ta’ folk-fusion li tappella għall-pubbliku ta’ żgħażagħ li b’din l-esperjenza japprezzaw il-wirt tal-mużika Maltija u ta’ pajjiżi ġirien tagħha. Din is-sena ser ikollna fostna lil Marzouk ensemble mit-Tunesija; ‘Di Ples’ mill-Bosnia-Herzegovina u ‘Ressala’ mill-Eġittu. Matul il-festival ser jieħdu sehem madwar 50 għannej u 25 kitarrist.

Bl-iskop li nkomplu nkabbru l-kultura tal-għana matul it-tliet ijiem tal-festival bejn l-4 u s-6 ta’ Ġunju, ser jittella’ programm varjat sabiex jappella għal kull tip ta’ pubbliku kemm lokali, kif ukoll internazzjonali. Minn barra l-għana, l-Ghanafest jippreżenta tliet kunċerti minn mużiċisti u gruppi Maltin li qed jipproġettaw l-identità Maltija bil-mużika tagħhom. Din is-sena ser jieħdu sehem il-kantawturi Maltin Frank O’Neil flimkien ma’ Christabelle Curmi, Antonio Olivari u Justin Galea; in-‘No Blig Show’, hip-hop bil-Malti flimkien mal-għana u d-Dominic Galea Quartet flimkien ma’ Doreen Galea. Ser jinżammu workshops dwar strumenti tradizzjonali u programm għat-tfal.

Il-festival tal-għana llum sar parti importanti mil-kalendarju ta’ attivitajiet li jiġu organizzati kull sena biex ikabbru t-tradizzjoni tal-folklor lokali. Hu wkoll punt ta’ riferiment għal studjużi Maltin biex iħaffru fil-fond l-għeruq tal-poplu Malti u hekk jsiru jafu iktar dwar l-antenati tagħna.

Dan il-festival kiber fl-importanza mhux biss għaliex hu l-espressjoni ta’ kant tradizzjonali iżda anki minħabba x-xogħol iebes tal-organizzaturi tal-festival, li nixtieq nirringrazzja. Irrid nirringrazzja b’mod speċjal lill-Kunsill Malti tal-Arti u l-Kultura li f’isem il-Gvern jappoġġjaw dan il-festival annwali.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow