DISKORS TAL-ONOR JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, FL-OKKAŻJONI TAT-TNEDIJA TAL-KAMPANJA ‘INĦELES MIT-TIPJIP U IRBAĦ’ – VALLETTA, IL-ĦAMIS, 22 TA’ APRIL 2010
Membri tal-Media, ħbieb u kollegi, insellmilkom.
Huwa ta’ pjaċir għalija li qiegħed hawn magħkom għal darba oħra biex ngħaddi messaġġ ieħor dwar is-saħħa. Flimkien ma’ attivitajiet oħra bħal din il-pubbliku jista jara b’għajnejh li s-saħħa hija waħda mis-setturi bl-ogħla prijorita’ għall-Gvern. Ngħiduha kif inhi, din il-prijorita` m’ għandiex tkun biss waħda tal-Gvern. Fil-każ ta’dawk li jpejpu, kull minn ipejjep għandu jkun responsabbli biżżejjed ta’ dak kollu li jagħmel u għandu jipprova jagħmel il-parti tiegħu jew tagħha biex jieqaf mit-tipjip.
Meta mmissu mal-vizzju tat-tipjip nistgħu ngħidu li l-għajta tagħna dwar il-ħsara estensiva u tremenda li jġib miegħu t-tabakk qatt ma hija biżżejed. Il-vizzju tat-tipjip jipparaguna tajjeb ma' mard kroniku ieħor bħal ma huwa per eżempju, id-dijabete jew pressjoni għolja. Dan il-paragun nistgħu nagħmluh minħabba l-fatt li l-vizzju tat-tipjip għandu bżonn attenzjoni kontinwa u fit-tul minn naħa tad-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa. Id-dipartiment kien, għadu u dejjem ser jibqa’ jgħin lil dawk li huma maħkuma minn dan il-vizzju biex jieqfu u jinħelsu minn dan il-vizzju ta’ dipendenza fuq in-nikotina li tinsab fit-tabakk. Meta persuna tipprova tieqaf u ma jirnexxiliex mill-ewwel, dan ma jfissirx li din il-persuna hija falliment. Fil fatt l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) ma tħarisx lejn dawk li jpejjpu bħala nies dgħajfa. Hija tikkonsidrahom bħala nies li għandhom problema ta’ saħħa u bla dubju ta’ xejn, żgur li għandhom bżonn tal-għajnuna.
Aspett fundamentali biex jassigura li dak li jkun jgħix ħajja aħjar, ta’ kwalita tajba u b’saħħitha hi li dawk li jpejjpu jippruvaw jieqfu minn dan il-vizzju. Min-naħa tal-Ministeru tas-Saħħa ma rridux ninsew ukoll li sabiex ikompli jogħla l-livell ta’ l-għixien u l-kwalita’ tal-ħajja, aħna rridu wkoll insaħħu s-servizz tas-saħħa.
Għal dan il-għan, il-Ministeru flimkien mad-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa, ser iniedi żewġ inizjattivi:
Ø L-ewwel waħda hija Kampanja ‘Inħeles u Irbaħ’ sabiex tħajjar lil-dawk li jpejjpu biex jieqfu. l-importanza tal-istil ta’ ħajja li ngħixu ma nistax nenfasizzah biżżejjed. It-tipjip huwa fattur li jfisser nuqqas ta’ ħajja u nuqqas fil-kwalita’ tal-ħajja li aħna ngħixu.
Ø It-tieni inizjattiva u fuq l-istess linja, hija li ser jibdew programmi biex jgħinu lil dawk li jpejpu biex jieqfu. Dan ser isir f’uħud miċ-Ċentri tas-Saħħa fejn gruppi ta’ nies li jpejpu jkunu jistgħu jiltaqgħu u jsibu għajnuna. Dawn il-programmi jiġu organiżżati min-nies professjonali, li l-iskop ewlieni jkun li jgħinu lill-pubbliku jieqaf minn dan il-vizzju.
Qabel nagħlaq għandi appell minn qalbi. Hemm bżonn li tassew inħarsu ’il quddiem, lejn fejn nixtiequ naslu u mhux noqogħdu ngħidu li mhux possibli nieqfu npejjpu u nibqgħu b’idejna fuq żaqqna ngergru dwar il-liġijiet li hemm li jrażżnu t-tipjip u jipproteġu l-ħajja ta’ dawk li ma jpejpux. Hemm bżonn li lkoll ngħamlu l-parti tagħna billi nieħdu ħsieb saħħitna u nieħdu azzjoni. Inħeġġeġ lil dak li jpejpu, biex jaħtfu l-opportunita`, jipparteċipaw u jippruvaw jeħilsu minn dan il-vizzju.
Nixtieq nirringrazzja lilkhom il-ġurnalisti li aċċettajtu l-istedina tagħna biex illum naqsmu magħkom informazzjoni dwar l-inizjattivi u x-xogħol ta’ ħidma fil-qasam tas-Saħħa. Dawn l-inizjattivi, fost oħrajn, huma parti minn strateġija wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-prevenzjoni tal-mard. Il-Ministeru tas-Saħħa jħoss l-effett ta’ din il-problema b’mod dirett u għalhekk għandu l-miri tiegħu ċari - li l-poplu Malti u l-Għawdxi jibqa’ jgħix f’saħħtu għall-itwal żmien possibbli.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990