STQARRIJA KONĠUNTA TAL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAT-TURIŻMU, L-AMBJENT U L-KULTURA DWAR IL-QAGĦDA TAT-TRAFFIKU TAL-AJRU
Minkejja li l-qagħda tat-traffiku tal-ajru jidher li ġejja għan-normal, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura u l-AirMalta qed ikomplu jaħdmu flimkien biex dawk il-Maltin li nqabdu barra minn xtutna jinġiebu lura Malta.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qed ikompli jgħin lill-Maltin li talbu għajnuna. Il-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr Tonio Borg qiegħed ikompli jappella lil dawk il-Maltin li jixtiequ informazzjoni dwar kif jikkuntattjaw l-ambaxxati Maltin sabiex iżuru s-sit www.foreign.gov.mt. Huwa rringrazzja lill-uffiċjali kollha fi ħdan il-Ministeru għall-ħidma siewja li wettqu fl-aħħar jiem.
Sadanittant l-AirMalta l-lum kompliet iżżid fin-numru ta’ titjiriet tagħha lejn u minn Malta. L-AirMalta operat, jew ser topera matul il-jum, titjiriet għal Vjenna, Reggio Calabria/Ruma, Londra Heathrow, Pariġi Orly, Katanja/Munich, Pariġi (Charles de Gaulle), Tripli, Zurich, Frankfurt, Berlin Tegel, Manchester, Brussell, Ruma/Reggio, Katanja/Ġinevra, Milan u Londra Gatwick. L-AirMalta qed topera l-lum ukoll erba’ titjiriet extra għal Londra Gatwick/Marseille, Londra Gatwick, Zurich u Brussell. Għada l-AirMalta ser topera iktar titjiriet extra lil hinn mill-iskeda normali tagħha jekk ir-restrizzjonijiet tal-ispazju tal-ajru jitneħħew u jekk jiġu kkonfermati slots għat-titjiriet. It-titjiriet extra jiġu kkomunikati malli s-slots jiġu kkonfermati.
Illum kien hemm b’kollox 62 titjira minn u lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta filwaqt li 22 titjira minn u lejn l-ajruport tħassru.
Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu Mario de Marco irringrazzja lil AirMalta li tul dawn l-aħħar jiem ħadet il-passi kollha meħtieġa biex iġġib lura lejn pajjiżna dawk il-Maltin li nqabdu barra minn xtutna u biex ħadet lura lejn id-destinazzjonijiet tagħhom, u safejn setgħet tasal, turisti li kienu fostna. L-AirMalta qed toffri wkoll lill-passiġġieri tagħha bbukkjar mill-ġdid b’xejn fuq kwalunkwe titjira bl-iskeda operata minnha, jew li tirrifondi l-flus tal-biljett.
Is-Segretarju Parlamentari faħħar l-istakeholders fil-qasam turistiku li ħadmu flimkien sabiex ikun hemm l-inqas inkonvenjent għat-turisti li nqabdu Malta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990