ASSISTENZA GĦALL-MALTIN MAQBUDIN FIR-RENJU UNIT
F’dawn l-aħħar ġranet, il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Londra pprovdiet assistenza kontinwa lil aktar minn mitejn Malti u Maltija li nqabdu fir-Renju Unit minħabba l-waqfien tat-traffiku tal-ajru Ewropew ikkawżat minn sħab tal-vulkan Iżlandiż li żbroffa.
Minn nhar il-Ħamis li għadda, meta t-titjiriet kollha waqfu joperaw, Maltin li nqabdu fir-Renju Unit bdew jikkuntattjaw lill-Kummissjoni Għolja għal assistenza varja. Il-Kummissjoni Għolja kienet qed tagħti informazzjoni dwar mezzi alternattivi ta’ trasport għal Malta, tgħin biex isiru arranġamenti, u żżomm lista ta’ dawk il-Maltin kollha li għamlu kuntatt u indikazzjoni tal-pjanijiet tagħhom tal-ivjaġġar lura lejn Malta. Biex tgħin lil dawk maqbuda fir-Renju Unit, il-Kummissjoni Għolja lbieraħ organizzat żewġ coaches biex ħadu aktar minn mitt ruħ mill-bini tal-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Piccadilly, Londra lejn Marsilja fi Franza – fejn saru arranġamenti mal-Air Malta sabiex ikun hemm ajruplan jistennihom u jeħodhom lura Malta llejla.
Il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta tavża li l-pjanijiet li kellha biex torganizza aktar coaches lejn il-kontinent Ewropew tħassru peresss li mill-bieraħ bil-lejl reġgħu bdew joperaw titjiriet minn ajruporti fir-Renju Unit. Dawk il-Maltin li għadhom fir-Renju Unit huma mħeġġa jikkuntattjaw lil-linja tal-ajru tagħhom għal parir u biex jaqtgħu l-biljetti għal titjira lura lejn Malta.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990