AKTAR MINN €800 MILJUN F’BONDS, ISHMA U STOCKS NEGOZJATI FL-2009
Matul is-sena 2009 kienu negozjati aktar minn €800 miljun f’bonds, ishma u stocks, id-doppju tal-ammont mibjugħ fl-2008 (€413 miljun). Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Borża ta’ Malta, indirizzata mill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech, wara li ntemmet il-konferenza annwali tagħha.
Tonio Fenech spjega li dawn iċ-ċifri huma xhieda ta’ kif minkejja l-impatt tal-kriżi finanzjarja, l-ekonomija Maltija kompliet għaddejja u numru akbar ta’ kumpaniji kellhom aċċess aktar qawwi għall-finanzjament li bih setgħu jinvestu aktar u b’hekk joħolqu aktar postijiet tax-xogħol, li kienet u tibqa’ l-priorità ewlenija għall-pajjiżna.
Huwa qal li l-2009 juri li l-Borża qed titqies aktar minn qatt qabel bħala sors alternattiv u effettiv fejn il-Gvern, kif ukoll kumpanniji, jistgħu jirrikorru għand il-pubbliku għall-kapital permezz ta’ ħruġ ta’ strumenti finanzjarji bħal ma huma ishma jew bonds. “Hija wkoll turija tal-fiducja li l-investitur għandu fis-settur finanzjarju lokali u dan għandu jqawwilna qalbna, speċjalment meta niftakru fiż-żminijiet koroh li kienu għaddejin minnhom - u f’ċerti każi, għadhom għaddejjin minnhom - bosta swieq finanzjarji u ekonomiji oħrajn.”
Il-Ministru sostna li element importanti f’dawn ir-riżultati huwa li “qed naraw firxa dejjem ikbar ta’ investituri li huma interessati fi strumenti finanzjarji kkwotati fuq il-Borża.” Filfatt, dawn it-€800 miljun ma marrux biss għand entitajiet finanzjarji, bħall-banek, iżda nxtraw minn 70,000 entità finanzjarja, pubblika jew persuni individwali. Madwar 70% tal-bonds fl-2009 inxtraw mill-pubbliku ġenerali.
Tant kien hemm interess fil-Bonds tal-Kumpaniji li ttieħdu l-over-allotments kollha u kien hemm domanda ta’ ‘l fuq minn €230 miljun li ma ġietx milqugħa. Id-domanda għall-bonds eċċediet il-provvista b’iżjed minn 43% .
Tonio Fenech spjega li din ix-xejra pożittiva fin-numru ta’ listings ġodda fis-suq tal-Borża jidher li sejra tkompli matul is-sena li qegħdin fiha, tant f’dawn l-ewwel erba’ xhur diġà kien hemm ħames listings u kienu investiti mal-€147 miljun, ċifra li tinkludi fiha ammont ta’ €27 miljun li huwa l-over allotment fuq il-ħames bonds.
Tonio Fenech fakkar fir-Rapport tal-Bank Centrali Ewropew fuq l-istabbilità tas-settur bankarju fl-Unjoni Ewropea f’Awwissu tal-2009, fejn ikklassifika s-settur bankarju Malti bħala wieħed mill-aktar stabbli fl-Ewropa. Fl-istess żmien, l-aġenzija ta’ credit rating Moody’s ukoll ikkonfermat l-A1 rating tal-Gvern b’riflessjoni, fi kliemha, ta’ “high economic resiliency and a very high financial robustness”. Huwa fakkar li minkejja li s-settur finanzjarju dinji għadda minn wieħed mill-aktar perjodi diffiċli fl-aħħar snin, f’Malta dan kiber bi 22%.
Fl-aħħarnett, il-Ministru Tonio Fenech irringrazzja liċ-Chairman tal-Borża ta’ Malta, Dr Arthur Galea Salomone, kif ukoll lill-Bord tad-Diretturi, lill-Management, lill-Membri u l-istaff kollu ghal kontribuzzjoni li taw biex setgħu jinkisbu dawn ir-riżultati.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990