IS-SITT LAQGHA ANNWALI TA’ CEN-CENELEC SER TINZAMM F’MALTA
L-Awtorità Maltija dwar l-Istandards ser tkun qed tospita s-sitt laqgħa annwali ta’ CEN-CENELEC bejn l-1 u t-3 ta’ Ġunju 2010. CEN u CENELEC huma organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandards rikonoxxuti mill-Kummissjoni Ewropea flimkien ma’ ETSI (European Telecommunications Standards Institute).
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-Onor. Chris Said, li qal li s’issa ġia rregistraw ’il fuq min 150 partecipant għas-sessjoni miftuħa tal-konferenza u din iċ-ċifra tista’ titla’ għal 250.
Il-laqgha annwali f’Malta se tinkludu l-Assemblea Ġenerali taz-zewg organizzazzjonijiet kif ukoll sessjoni miftuħa bit-tema “The Lisbon Agenda: Capitalize on the achievements and how to shape European standardization for tomorrow”. Is-sessjoni miftuħa ser tikkunsidra aspetti varji ta’ kif is-sistema tal-Istandards Ewropea rrispondiet f’dawn l-aħħar għaxar snin għall-Aġenda ta’ Lisbona u kif inhi mistennija tirrispondi għall-istrategija EU2020.
Il-lista tal-kelliema tinkludi lill-Prim Ministru ta’ Malta, l-Onor. Lawrence Gonzi, kif ukoll lill-Vici President tal-Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani, li huwa l-Kummissarju responsabbli ghall-Industrija u Intraprenditorija. Chris Said spjega li dan l-avveniment huwa ta’ importanza sinifikanti għall-Awtorità Maltija dwar l-Istandards billi din is-sena qed tfakkar l-għaxar snin mit-twaqqif tagħha.
CEN, il-Kumitat Ewropew tal-Istandards, hija organizzazzjoni teknika, magħmula minn kumitati nazzjonali dwar l-istandards, li tipprovdi pjattaforma għall-izvilupp ta’ standards Ewropej. CENELEC hija kumitat Ewropew fuq standards eletroteknici. Bħaċ-CEN hija wkoll organizzazzjoni teknika. Hija komposta minn kumitati nazzjonali elettroteknici fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll minn dawk fin-Norvegja, l-Islanda, l-Isvizzera u l-Kroazja.
L-Awtorita` Maltija dwar l-Istandards qiegħda fuq il-Bord Amministrattiv ta’ dawn iż-żewġ organizzazjonijiet. Is-Segretarju Parlamentari qal li wieħed mill-għanijiet ta’ dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet hu li jissaħħaħ is-Suq Intern Ewropew għall-prodotti u servizzi, li jitneħħew barrieri għall-kummerċ u tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa fl-ekonomija globali.
Chris Said żied li l-Awtorita` Maltija dwar l-Istandards tappoġġja lill-industrija u tħares is-sigurtà tal-prodotti fis-suq Malti għall-benefiċċji tal-konsumatur u tal-industrija. L-istandards huma importanti għax jiffaċilitaw in-negozju, isaħħu l-kunfidenza tal-konsumatur, inaqqsu l-ispejjez tal-produzzjoni u jippromwovu l-ekonomija.
Sal-lum l-Awtorità ghandha katalgu li jkopri għoxrin elf standard nazzjonali. “Il-Gvern,” qal Dr Said, “jirrikonoxxi l-importanza tal-istandards biex jintlaħqu l-miri tal-Viżjoni 2015.” Minn Frar ta’ din is-sena l-Awtorità Maltija dwar l-Istandards għaddiet mill-Ministeru tal-Ekonomija, Finanzi u Investiment għal taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990