PROĠETT TA’ AFFORESTAZZJONI MILL-KULLEĠĠ TA’ SAN ALWIĠI
Dalgħodu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, George Pullicino żar l-istudenti kemm tas-sekondarja kif ukoll tal-Upper Secondary, li qed jipparteċipaw fi proġett ta’ afforestazzjoni fil-kulleġġ ta’ San Alwiġi.
F’dan il-Kulleġġ, dawn l-istudenti fuq inizjattiva tagħhom stess, iħawwlu iż-żerriegħa ta’ siġar indiġeni Maltin li tingħatalhom mid-Dipartiment tal-Parks, u wara li dawn jibdew jikbru, jingħataw lura lill-kampanja 34U sabiex jitħawwlu fil-parks nazzjonali ta’ pajjiżna.
Matul dawn l-aħħar 4 snin, kemm ilha ssir din l-inizjattiva, l-istudenti tal-Kulleġġ bl-għajnuna tal-għalliema tagħhom, ħawwlu mat-3,000 żerriegħa ta’ siġar indiġeni Maltin. Matul is-sena skolastika li għaddiet, dawn l-istudenti għaddew lid-dipartiment tal-parks mat-800 siġra filwaqt li fi tmiem din is-sena skolastika, se jkunu qegħdin jgħaddu mal-elf siġra. Din l-attivita’ f’dan il-Kulleġġ għandha wkoll is-sostenn tal-Bank of Valletta plc.
Il-Ministru Pullicino irringrazzja kemm lill-istudenti kif ukoll lill-għalliema li b’tant dedikazzjoni jagħżlu li jqattgħu l-ħin liberu tagħhom iħawwlu, jsaqqu u jieħdu ħsieb dawn is-siġar sakemm jibdew jikbru. Huwa saħaq li din hija inizjattiva tassew tajba u sabiħa fejn l-istudenti tal-Kulleġġ San Alwiġi qegħdin jinvestu fis-soċjeta’ u fl-ambjent tal-lum u ta’ għada, billi qed ikabbru kemm jistgħu siġar biex ikomplu jsebbħu pajjiżna.
Il-Ministru Pullicino fakkar li permezz tal-iskema 34U f’dawn l-aħħar ħames snin tħawwlu ‘l fuq minn 90,000 siġra indiġena mxerrda mal-pajjiż kollu partikolarment fil-parks Nazzjonali ta’ Malta. F’dan il-kuntest il-Ministru Pullicino fakkar li l-Gvern jinsab impenjat sabiex isir park tal-familja f’Wied il-Għajn, park fil-Magħtab kif ukoll park ieħor f’Delimara fost numru ta’ proġetti oħra.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990