Left arrow Go Back

20 SENA TA’ FESTIVALS TAL-JAZZ F’MALTA

PR0657
Date Icon 16/04/2010

Punti minn diskors li s-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, l-Onor. Mario de Marco għamel, meta nieda l-Malta Jazz Festival li ser jiġi organizzat f’Ta’ Liesse, ix-Xatt il-Belt, bejn il-15 u s-17 ta’ Lulju 2010.

“Għall-aħħar 20 sena ġie organizzat f’Malta l-Jazz Festival. Biex jitfakkar dan l-avveniment il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti din is-sena qed jippreżentalna numru ta’ artisti mill-aktar importanti fil-qasam tal-jazz fosthom il-kantanta u bassista Esperanza Spalding, li hija kkunsidrat bħala prodiġju fil-jazz u li ntagħżlet mill-President Amerikan Barack Obama biex tagħti wirja wara d-diskors tiegħu fejn aċċetta l-premju Nobel għall-Paċi.” Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u Kultura, l-Onor. Mario de Marco meta nieda l-Malta Jazz Festival ta’ din is-sena.

Mario de Marco qal li l-Malta Jazz Festival sar avveniment importanti fil-kalendarju sajfi tal-pajjiz u li dan kien attrazzjoni sew għall-Maltin li kienu jħobbu din it-tip ta’ mużika kif ukoll għall-barranin li jkunu fostna biex iqattgħu l-btajjel tas-sajf. “Dan il-festival lili jinteressani doppjament. Jinteressani bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-kultura għaliex qed jimbotta ’il quddiem il-kultura tal-mużika jazz li hi meqjusa bħala waħda mill-iżjed espressjonijiet mużikali raffinati u ta’ eċċellenza. Jinteressani bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mit-turiżmu għaliex dan hu avveniment ieħor li daħal fil-kalendarju ta’ attivitajiet tas-sajf u li ħafna turisti jfittxu. Avvenimenti bħal dan jgħollu l-livell tal-prodott Malti u jikkontribwixxi biex inkunu nistgħu nikkompetu ma’ destinazzjonijiet oħra fil-qasam turistiku,” tenna Mario de Marco.

Is-Segretarju Parlamentari Mario de Marco qal li l-iktar jazz festivals importanti li jsiru fl-Ewropa jittellgħu f’Lulju. Dan jippermetti lill-organizzaturi tal-Malta Jazz Festival li jibbukjaw artisti internazzjonali li jkunu qed jagħtu wirjiet fl-Ewropa. Hu qal ukoll li Lulju hu wkoll wieħed mill-iktar xhur li jiġu turisti f’Malta, tant li jekk nieħdu l-aħħar tliet snin insibu li f’Lulju żaru Malta medja ta’ 11.7 fil-mija tat-turisti kollha li jżuruna matul is-sena.

Is-Segretarju Parlamentari Mario de Marco sostna li l-fatt li dan il-festival jittella’ barra l-Knisja Ta’ Liesse, taħt is-swar f’Xatt il-Belt u faċċata tal-fortizza Sant’Anġlu u l-Kottonera jagħtih valur miżjud qawwi għaliex qed isir f’parti ta’ Malta fejn issawwret l-istorja ta’ pajjiżna u għalhekk qed anki jikkontribwixxi biex jippromwovi waħda mill-iktar niċeċ importanti tal-industrja turistika. Hu fakkar li dan hu avveniment ieħor li jsir f’dawn l-inħawi għaliex fil-Port il-Kbir jittella’ wkoll il-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar li din is-sena ser jsir fl-aħħar ta’ April.

Is-Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura tkellem ukoll dwar min ser jieħu sehem fil-Jazz Festival ta’ din is-sena. Hu qal li barra minn Esperanza Spalding din is-sena ser ikollna fostna l-iktar ‘drummers’ importanti fid-dinja tal-jazz: Bill Stewart, Ari Hoenig, Greg Hutchinson, Dave Weckl u Dave King. Żied li ser jipparteċipaw ukoll Mike Stern, li ġie nnominat ħames darbiet għall-Gammy u Richard Bona, il-Bad Plus. “B’hekk ser ikollna kuntrast fost dawk li ser jieħdu sehem fil-Festival tal-Jazz biex noffru lill-udjenza li ser ikollna diversità ta’ stili,” tenna Mario de Marco.

Mario de Marco temm billi rringrazzja lil Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti li qed jorganizzaw dan il-festival u lil kulmin tul is-snin ħadem biex ikollna Jazz Festival ta’ kwalità fosthom lil musiċist u artist lokali Charles ‘City’ Gatt li kien il-moħħ wara l-organizazzjoni tal-festivals tal-jazz f’pajjiżna, u lil Dr. Michael Frendo li bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-kultura, ħadem bla heda u ta l-appoġġ kollu tiegħu biex dan il-festival seta’ jiġi organizzat..

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow