JAGĦLQU L-APPLIKAZZJONIJIET GĦAL-LIĊENZJA SPEĊJALI GĦALL-KAĊĊA FIR-REBBIEGĦA. IL-GVERN MA JAQBILX LI MIJIET TA’ ELUF TA’ EWRO TAT-TAXXI JINTUŻAW BIEX JITĦALLSU MULTI
Illum f’nofsinhar għalqu l-applikazzjonijiet għal-liċenzja speċjali għall-kaċċa fir-rebbiegħa 2010. 65 persuna applikaw filwaqt li 4 irtiraw l-applikazzjoni tagħhom. Allura, fil-jiem li ġejjin ser jinħargu 61 liċenzja speċjali għal kaċċa matul din ir-rebbiegħa.
Għalkemm il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea jaqblu li l-verdett tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru li għadda jippermetti kaċċa limitata u kontrollata fir-rebbiegħa f’Malta, huma mhux qed jaqblu dwar l-ammont ta’ għasafar li jistgħu jinqabdu.
Matul l-aħħar ġimgħat, il-Gvern kien f’dikussjonijiet informali mal-Kumissjoni Ewropea u kien hemm qbil fuq kollox ħlief fuq in-numru. Wara li l-Kummissjoni staqsiet għal iżjed żmien u in vista tal-mekkaniżmi ġodda li kellhom jiddaħħlu għar-rebbiegħa 2010, il-Gvern qies li jkun għaqli li jiftaħ staġun qasir. B’hekk huwa jevita li mijiet ta’ eluf ta’ ewro f’taxxi tal-poplu Malti jintużaw biex iħallsu multi, kif spjegat fl-isfond tekniku li hawn ma’ din l-istqarrija.
Fil-fatt, il-Kummissjoni Ewropea ma oġġezzjonatx għall-proposti tal-Gvern Malti għal din ir-rebbiegħa. Dan huwa żvilupp importanti ħafna għaliex sa minn mis-sentenza fil-kawza kontra l-Fillandja (Diċembru 2005), il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dejjem kienet li ebda kaċċa ma hija permissibbli fir-rebbiegħa.
Il-Gvern ser ikompli bid-diskussjonijiet mal-Kummissjoni bil-għan li jkun hemm qbil dwar in–numri li jistgħu jiġu kkaċċjati fir-rebbiegħa tas-sena d-dieħla. Huwa jqis li għandu bażi xjentifika biżżejjed biex jasal fi qbil mal-Kummissjoni. Ta’ min ifakkar li apparti l-aspett tan-numri, il-ftuħ tal-kaċċa fir-rebbiegħa għandu bżonn ġustifikazzjoni xjentifika għal ftuħ kemm fl-2011 kif ukoll fis-snin ta’ wara.
Il-Gvern ma jaqbilx mal-assoċċjazzjonijiet tal-kaċċaturi li għażlu li jibqgħu jissieltu għal xi ħaga li f’dan il-mument mhix realistika minflok li jibnu fuq dak li hu possibbli. U dan għamluh billi rrikorrew għall-insulti personali u diskors li jista’ jiżgwida. Tattiċi bħal dawn idgħajfu l-pożizzjoni ta’ dawk li jridu jaħdmu biex kaċċa limitata fir-rebbiegħa tkun possibbli.
…/Background Information
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990