Left arrow Mur Lura

MITA TORGANIZZA E-SKILLS FAIR

PR0650
Date Icon 15/04/2010

L-Aġenzija tat-Teknoloġija tal-Informatika ta’ Malta (MITA) illum nediet l-e-Skills Fair fil-Grand Hotel Excelsior, fil-Belt, Valletta. L-Onor Austin Gatt, Ministru għall-Informazzjoni, Trasport u Komunikazzjoni (MITC) fetaħ din il-fiera u żar l-istands varji u ltaqa’ mal-parteċipanti. Il-fiera hija miftuħa għall-pubbliku għal tlett ijiem u hija parti minn kampanja estensiva ta’ għarfien dwar l-e-Skills, koordinata mid-DĠ tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Intrapriża u l-Industrija.

Din l-attività, li qed titmexxa mill-MITA, għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar iż-żieda fid-domanda għal dawk b’ħiliet speċjalizzati fl-ICT billi tippreżenta informazzjoni dwar inizjattivi u servizzi ta' taħriġ li joffru entitajiet ta’ taħriġ privati u pubbliċi fis-settur tal-ICT.

Dr Peter Xuereb, Kap Uffiċċjali tal-Human Capital Department, dipartiment ġdid fi ħdan il-MITA, qal li għalkemm l-interess fl-ICT qed jiżdied fost il-Maltin, teżisti l-ħtieġa ta’ qafas ta’ djalogu u kollaborazzjoni bejn il-Gvern, l-industrija tal-ICT u s-settur edukattiv. L-għan tad-djalogu hu li jiżdiedu l-ħiliet fl-ICT f'Malta sabiex jintlaħqu l-ogħla standards globali f’dan il-qasam kemm fuq livelli nazzjonali, kif ukoll fuq livell Ewropej.

Dr Xuereb irrikonoxxa li l-fiera tal-e-Skills hija waħda mill-ftit inizjattivi nazzjonali li qegħdin isiru biex iqanqlu interess fis-settur tal-ICT, u fl-istess waqt biex jipprovdu opportunitajiet għal taħriġ lill-Maltin. Attivitajiet bħal dawn jinkoraġġixxu lill-individwi jiksbu ħiliet fl-ICT ta’ kull livell bil-għan li jiżdiedu l-kapaċitajiet tagħhom fuq il-post tax-xogħol, biex b'hekk in-negozji jsiru aktar kompetittivi.

Din il-fiera hija mmirata b’mod partikolari lejn studenti li jkunu waslu biex jitilqu mill-edukazzjoni obbligatorja, professjonisti żgħażagħ, individwi li jixtiequ javvanzaw il-ħiliet tagħhom fl-ICT, u anke dawk li jmexxu negozji żgħar. Dawn ikunu jistgħu jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom lil rappreżentanti ta’ entitajiet ewlenin f’dan il-qasam, bil-għan li dawn jgħinuhom fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-futur tagħhom.

L-e-Skills Fair hija miftuħa sas-Sibt 17 ta’ April 2010

Ħinijiet ta’ ftuħ: 

Il-Ħamis 15 ta’ April: 10am-8pm 

Il-Ġimgħa 16 ta’ April: 10am- 8pm 

Is-Sibt 17 ta’ April: 10am- 4pm

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit http://eskills-week.ec.europa.eu u http://www.mita.gov.mt/eskills.

MITA hija l-Aġenzija ewlenija tal-Gvern li hija responsabbli għall-politika, programmi u inizjattivi li għandhom x’jaqsmu mal-ICT f’Malta. L-Aġenzija tmexxi l-implimentazzjoni ta’ programmi tal-ICT tal-Gvern, tiffoka fuq it-titjib ta’ servizzi għall-pubbliku u tipprovdi l-infrastruttura meħtieġa għall-provista ta’ servizzi ta’ ICT lill-Gvern. MITA hija responsabbli wkoll għall-promozzjoni tal-ICT fis-soċjetà u fl-ekonomija, u għall-promozzjoni u t-twettiq ta’ programmi li għandhom l-għan li jtejbu l-edukazzjoni tal-ICT u l-użu tal-ICT għat-tagħlim.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow