IT-TIENI EDIZZJONI TAR-RACKET TOURNAMENT F’GĦAWDEX
Ħamsa u għoxrin atleta pparteċipaw waqt it-tieni edizzjoni tar-Racket Tournament li saret fil-Kumpless Sportiv fir-Rabat Għawdex.
Dan it-tournament kien jinkludi kompetizzjonijiet mit-tliet dixxiplini sportivi li jintlagħbu bir-racket – it-tennis, il-badminton u l-isquash. Ir-rebbieħa f’dan it-tournament huma Raymond Camilleri, li rebaħ il-kompetizzjoni tat-tennis, Federico Cini li rebaħ dik tal-badminton, u Marlene Saliba u Mark Sacco li rebħu l-kategorija tan-nisa u ta’ l-irġiel ta’ l-isquash rispettivament.
Matul l-aħħar sena, fil-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex, saru tournaments oħra fosthom dak tal-arti marzjali, ieħor tad-dixxiplina Tackwondo, tournament tal-futbol u ieħor tal-badminton. Ġie organizzat ukoll seminar internazzjonali tal-Kendo bil-parteċipazzjoni ta’ madwar 100 atleta li fil-maġġoranza tagħhom kienu barranin.
Bħalissa fil-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex, kull nhar ta’ Sibt qed jissoktaw is-sessjonijiet ta’ SkolaSport, filwaqt li matul il-ġimgħa numru ta’ adulti qed jipparteċipaw fi klassijiet ta’ pilates, aerobics u fitness b’kollaborazzjoni mal-Health Promotion Unit fi ħdan l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dan l-aħħar ġie inawgurat gym ġdid li qed iżid il-faċilitajiet sportivi f’dan il-kumpless.
Proġett ambizzjuż fil-qasam sportiv f’Għawdex huwa dak tal-bini ta’ pixxina indoor fuq art annessa mal-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex. Matul is-sena li għaddiet saret tħejjija tal-pjanti ta’ din il-pixxina, li se tinkludi faċilitajiet oħra bħal bini mill-ġdid ta’ tennis courts, basketball court u pitch tal-boċċi. Dan il-proġett ser ikun qed jiġi implimentat bħala parti mill-programm ta’ azzjoni marbut ma’ eko-Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990