IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ U SPORT, CLYDE PULI JINDIRIZZA LAQGĦA TAL-MINISTRI EWROPEJ TAL-EDUKAZZJONI, F’MADRID FI SPANJA
“Malta tilqa’ b’sodisfazzjoni l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea 2020, li tpoġġi l-edukazzjoni u t-taħriġ bħala għodda ewlenija biex jintlaħqu l-miri tat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol”.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport Clyde Puli waqt li indirizza laqgħa tal-Ministri Ewropej tal-Edukazzjoni li ġiet organizzata f’Madrid bħala parti mill-programm tal-Presidenza Spanjola.
L-istrateġija 2020 li qed issegwi l-istrateġija ta’ Lisbona għandha għanijiet ambizzjużi u qed tipproponi azzjoni fuq livelli nazzjonali, f’ħames oqsma partikolari; l-edukazzjoni, l-impjiegi, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-bidla fil-klima u l-enerġija, kif ukoll il-ġlieda kontra l-faqar.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-Gvern Malti se jkun qed jiddiskuti mal-Kumissjoni Ewropea biex jiffissa miri ambizzjużi u ottennibli biex ikomplu jiżdiedu iż-żgħażagħ li jkomplu bl-istudji terzjarji tagħhom fil-waqt li jonqsu dawk li jtemmu kmieni l-esperjenza ta’ tagħlim.
Clyde Puli tkellem ukoll dwar l-inizjattiva l-ġdida tal-Unjoni Ewropea, Youth on the Move li hija waħda mis-seba’ strumenti importanti għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropea 2020. Din l-inizjattiva se tesiġi kwalità fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ billi fost oħrajn tippromwovi mobiltà fost l-istudenti u ż-żgħażagħ.
Clyde Puli saħaq li l-inizjattivi u l-programmi li kellhom suċċess fl-aħħar snin għandhom jinżammu u jiġu mtejba filwaqt li nkomplu nibnu fuqhom. Hu saħaq ukoll li biex Youth on the Move ikollha impatt tanġibbli għandha toffri opportunitajiet għal dawk iż-żgħażagħ li qegħdin fl-edukazzjoni terzjarja iżda tagħti wkoll l-importanza lil żgħażagħ li qed isegwu rotot oħra edukattivi kif ukoll lil żgħażagħ b’anqas opportunitajiet.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990