Left arrow Mur Lura

AKTAR KOTBA FIL-LIBRERIJI LOKALI U REGJONALI F’MALTA

PR0631
Date Icon 13/04/2010

Ħamsa u erbgħin Kunsill Lokali f’Malta qed jingħataw għajnuna mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali sabiex jixtru aktar kotba għal-libreriji pubbliċi fil-lokalitajiet tagħhom. Dan tħabbar illum mis-Segretarju Parlamentari ghall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Gusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, l-Onor. Chris Said waqt l-attività “Il-Ktieb Pass Biss ’il Bogħod Minnek” fil-Bibljoteka Nazzjonali tal-Belt Valletta.

Chris Said qal li minn Jannar 1999, meta ġiet delegata l-ewwel librerija lokali mid-Dipartiment tal-Libreriji għal Kunsill Lokali, ġew devoluti jew twaqqfu mill-Kunsilli Lokali, total ta’ 56 librerija li minnhom hemm 7 reġjonali.

Is-Segretarju Parlamentari Said spjega kif bħala riżultat ta’ din id-devoluzzjoni, il-libreriji tkabbru jew ġew rinovati, saru aktar aċċessibbli u żdied b’mod qawwi l-ammont u l-varjetà ta’ kotba li joffru. Chris Said semma wkoll kif il-libreriji li kienu jifthu 4 sigħat fil-ġimgħa issa qed jiftħu medja ta’ 8 sigħat fil-ġimgħa.

Is-Segretarju Parlamentari faħħar l-inizjattiva li ħadu bosta Kunsilli Lokali li jwaqqfu librerija lokali fil-lokalità tagħhom. Dan kollu wassal biex fl-2009, b’investiment ta’ aktar minn €230,000 fil-libreriji mmexxija mill-Kunsilli Lokali ġew mislufa kważi nofs miljun ktieb.

Għat-tieni sena konsekuttiva, il-budget tal-Kunsilli Lokali għax-xiri ta’ kotba qed jiġi rduppjat u s-Segretarjat responsabbli mill-Kunsilli Lokali ra li dawn il-flus jintefqu biss f’kotba. Is-Segretarjat Parlamentari ra wkoll li nofs din iż-żieda tintefaq fuq kotba ppubblikati f’Malta bħala stimolu għall-pubblikaturi u kittieba Maltin.

Is-Segretarju Parlamentari tkellem dwar l-importanza tal-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja u qal li t-tiġdid tal-Kunsilli Lokali qed jara lill-Kunsilli jifirxu iżjed il-ħidma tagħhom f’dawn l-oqsma.

Huwa qal li biex jigi assigurat l-aqwa servizz minn dawn il-libreriji lokali u reġjonali, il-Gvern din is-sena ser jaghmel studju biex jidentifika x’oqsma għad iridu jiġu ndirizzati, fosthom l-aċċessibbiltà, il-ħinijiet tal-ftuħ, l-għażla tal-kotba, kif jista jitjieb il-livell ta’ self u x’miżuri jistgħu jiġu adottati biex jikber l-interess għall-qari. Ma’ dan, tenna Chris Said, jeħtieg jingħata iżjed taħriġ lil-librara u jiġu adottati metodi ġodda sabiex jitħaffu l-proċessi wżati, biex tikber l-aċċessibbiltà u biex min iżur il-libreriji jinqeda aħjar.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali biex ikomplu jaħdmu biex iżommu l-libreriji fl-aqwa stat possibbli u biex jibqgħu jinvestu fihom sabiex jattiraw tfal, żgħażagħ, adulti u anzjani lejn il-qari.

Għal din l-attività kien hemm ukoll preżenti s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Impjieg u l-Familja, Dr. Christopher Bezzina.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow