DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA’ WAQT IT-TNEHDIJA TAL-KAMPANJA: ‘WE CARE FOR YOUR HEART’ – VALLETTA WATERFRONT – 13 APRIL 2010
Insellmilkom u grazzi ta’ l-attendenza tagħkom.
Din l-inizjattiva tal-lum hija waħda li jiena u l-Ministeru li nħaddan nilqgħu bil-“qalb”. Għadda ż-żmien li nibqgħu nistennew li l-Gvern ċentrali biss jieħu l-inizjattiva biex itejjeb il-ħajja u s-saħħa tac-cittadini tagħna. Il-familja Muscat u l-Isptar St James, taħt it-tmexxija ta’ Dr Josie Muscat u bl-enerġija ta’ uliedu, hija ezempju ċar ta’ kif il-privat jista’ joħroġ b’ideat li jikkumplimentaw il-ħidma tal-Gvern u allura jidħlu sew fil-kuntest ta’ dik li hija prijorita’ essenzjali llum – il-kura preventiva.
Madwar id-dinja jmutu bejn wieħed u ieħor sbatax-il miljun u nofs persuni bil-mard tal-qalb, meta fil-fatt jistgħu jiġu evitati mat-80 fil-mija minn dawn l-imwiet. Hawn Malta, 40 fil-mija mill-imwiet li jkollna f’sena huma kkaġunati minn mard kardjovaskolari li jinkludi ischeamic heart disease.
Ir-riskji tal-mard tal-qalb nafuhom. Id-Dipartiment tal-Promozjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni ta’ Mard jagħti mportanza lil kull wieħed minn dawn ir-riskji. Id-Dipartment ta’ sikwit ifakkarna x’għandna nieklu, kemm il-piż żejjed huwa ta’ deni għalina, il-ħsara tat-tipjip, u li għandna nikkontrollaw l-istress.
Ta’ kull jum, niġu wiċċ imb’wiċċ ma’ għazliet li rridu nagħmlu f’hajjitna. Għażliet fuq x’ser nieklu, jekk nieħdux dak is-sigarett, jekk immorrux il-mixja ta’ kull jum. Jekk aħna nagħmlu dawn l-għazliet għaqlin waħda waħda, nibdew inbiddlu l-istil tal-ħajja tagħna u nkunu qed nagħmlu l-almu tagħna biex ngħixu ħajja aktar b’saħħitha.
Iżda dan mhux biżżejjed. Huwa importanti ferm li aħna nagħmlu check-ups regolari biex niċċekkjaw il-pressjoni, iz-zokkor u l-cholesterol li huma fatturi ta’ riskju għal mard tal-qalb. Għalhekk l-inizjattiva ”Healthy Heart Campaign” ta’ l-Isptar St James, tidħol sew fil-pjan tal-Gvern.
Hemm bżonn ta’ aktar għarfien fuq il-kundizzjonijiet differenti tas-saħħa, speċjalment dawk li jissejħu non-communicable diseases, jiġifieri mard li ma’ jittrasmettix ruħu permezz ta’ infezzjoni imma huwa marbut aktar ma’ l-istil ta’ ħajja li ngħixu u ma’ dak li nirtu mingħand il-ġenituri tagħna. Fosthom il-mard tal-qalb, id-dijabete u l-obeżità.
Il-gvern għamel ħafna investiment fit-terapija għall-mard tal-qalb. Illum nifraħ lill-Isptar St James għal din l-inizjattiva u nispera li kollaborazzjonijiet bħal dawn jirrepetu ruħhom fil-futur.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990