LAQGĦA TA’ MR. SPEAKER MAL-PRESIDENT TAL-KUMITAT KONĠUNT TAS-SENAT U L-PARLAMENT IRLANDIŻ
Il-President tal-Kumitat Konġunt bejn is-Senat u l-Parlament Irlandiż dwar il-Kostituzzjoni Irlandiża, l-Onor. Sean Ardagh, jinsab Malta ghal żjara qasira bil-ħsieb li jiltaqa’ mal-awtoritajiet ewlenin Maltin li huma ntiżi fil-qasam tal-elezzjonijiet ġenerali.
Il-Kumitat Konġunt bejn is-Senat u l-Parlament Irlandiż twaqqaf bil-għan li jistabbilixxi liema tibdil fil-Kostituzzjoni jkun mixtieq jew meħtieġ sabiex titkabbar ir-rilevanza tal-Kostituzzjoni fit-tmexxija tal-pajjiż.
Fost ħwejjeġ oħra, il-Kostituzzjoni Irlandiża tipprovdi li d-deputati tal-Kamra tar-Rappreżentanti Irlandiża jiġu eletti bis-sistema ta’ rappreżentanza proporzjonali (Single Transferable Vote), li hija l-istess waħda li tintuża fl-elezzjonijiet Maltin.
Fil-fatt, Malta u l-Irlanda huma l-uniċi żewġ stati membri tal-Unjoni Ewropea li jużaw din is-sistema fl-elezzjonijiet ġenerali tagħhom. Għalhekk, il-President tal-Kumitat Konġunt Irlandiż xtaq jisma’ mingħand il-Maltin dwar l-esperjenzi ta’ pajjiżna f’dan il-qasam.
L-Onor. Ardagh, akkumpanjat mix-Chargé d’Affaires Irlandiż f’Malta is-Sur Gerald O’Connor, dalgħodu ltaqa’ mal-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Maltin, l-Onor. Louis Galea, fil-bidu taż-żjara tiegħu f’pajjiżna.
Matul il-laqgħa, l-iSpeaker Malti spjega fid-dettal il-provedimenti tal-Kostituzzjoni Maltija li jittrattaw dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali f’Malta, flimkien mal-emendi li ġew introdotti matul iż-żminijiet sabiex jilqgħu għal sitwazzjonijiet partikolari li jinqalgħu meta tiġi biex titħaddem is-sistema ta’ wirt tal-voti fuq bażi ta’ distretti elettorali.
Il-mod kif il-Kummissjoni Elettorali Maltija tmexxi l-elezzjonijiet każwali ġie ttrattat ukoll waqt din il-laqgħa, aktar u aktar fid-dawl tal-fatt li fl-Irlanda, bis-sistema preżenti f’dak il-pajjiż, meta jitbattal siġġu parlamentari jkun meħtieġ li tinżamm elezzjoni każwali mill-ġdid fid-distrett partikolari fejn tokkorri l-vakanza.
Il-President tal-Kumitat Konġunt għandu jkollu laqgħat oħra f’Malta ma’ rappreżentanti politiċi u esperti kostituzzjonali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990