PROTEZZJONI GĦALL-KONSUMATUR FIL-QASAM TAL-KREDITU
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsumaturi u l-Kompetizzjoni Ġusta, l-Onor. Chris Said indirizza sessjoni ta’ informazzjoni u konsultazzjoni dwar it-trasposizzjoni tad-Direttiva Ewropea dwar ftehim ta’ kreditu ghall-konsumatur fil-ligi ta’ Malta. Is-sessjoni kienet organizzata mill-MEUSAC bil-kollaborazzjoni tad-Diviżjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni.
Fil-preżent il-kreditu lill-konsumatur f’Malta huwa regolat mir-Regolamenti dwar Kreditu lill-Konsumatur li kienu mplimentaw id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KE. Minn analizi tal-ligijiet li implimentaw din id-Direttiva fl-Istati Membri, irrizulta li kien hemm differenzi sostanzjali bejn il-ligijiet ta’ l-Istati Membri, li kienu qed iwasslu ghal distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn kredituri fl-UE u ostakoli ghas-suq intern. Din id-Direttiva ġiet imhassra bid-Direttiva 2008/48 KE li se tiġi trasposta fil-liġi Maltija b’Regolamenti godda dwar kreditu lill-konsumatur.
Chris Said qal li l-għanijiet prinċipali ta’ din id-Direttiva huma li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur u li jinħoloq verament suq intern ġenwin. Biex tilħaq dawn l-għanijiet id-Direttiva fiha disposiżizzjonijiet armonizzati u safejn hemm dawn, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali oħra.
Is-Segretarju Parlamentari qal li r-Regolamenti, li permezz taghhom ser tigi trasposta din id-Direttiva, jridu jigu fis-seħħ fix-xhur li gejjin. Dawn ir-Regolamenti japplikaw għall-ftehim ta’ kreditu. Chris Said kompla li pero’ hemm diversi ftehim ta’ kreditu speċifikati li għalihom mhux ser ikunu japplikaw ir-Regolamenti minħabba li jaqgħu barra mill-iskop tad-Direttiva.
Ir-Regolamenti, bħad-Direttiva, jiffokaw fuq it-trasparenza u d-drittijiet tal-konsumatur. Għal dan il-għan ir-Regolamenti jipprovdu ghall-informazzjoni li għandha tiġi provduta lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt u li ghandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu. Chris Said spjega li l-informazzjoni prekuntrattwali hija intiza biex il-konsumatur jkun jista’ jiehu decizzjoni informata fuq il-fatti u jkun jista’ jqabbel offerti varji li jkunu jezistu fis-suq. Chris Said spjega li l-informazzjoni li hija meħtiega fil-ftehim ta’ kreditu tiżgura li l-konsumatur huwa mgħarraf sew bid-drittijiet u l-obbligi tiegħu.
Chris Said spjega li r-Regolamenti ser jipprovdu ghad-dritt tal-konsumatur li jirtira mill-kuntratt ta’ kreditu minghajr l-obbligu li jaghti gustifikazzjoni fi zmien ta’ erbatax-il gurnata mill-konkluzzjoni tal-kuntratt. Huwa irrefera wkoll ghad-dritt tal-konsumatur li jifdi l-kreditu qabel id-data miftehma fil-ftehim tal-kreditu waqt li l-kreditur ikollu d-dritt ghall-kumpens oggettivament gustifikat.
Huwa għalaq billi stieden lill-parteċipanti fis-sessjoni ta’ konsultazzjoni sabiex jieħdu sehem attiv fil-proċess u jressqu l-kummenti tagħhom fuq it-trasposizzjoni ta’ din il-ligi. Huwa qal li l-konsultazzjoni ser tibqa’ miftuħa sa 7 ta’ Mejju 2010 sa nofsinhar u sa dakinhar min hu nteressat jista’ jibgħat is-sottomissjonijiet tiegħu lid-Diviżjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990