AKTAR KOTBA FIL-LIBRERIJI LOKALI F’GĦAWDEX
11-il kunsill lokali f’Għawdex se jingħataw għajnuna mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali sabiex jixtru aktar kotba għal-libreriji fil-lokalitajiet tagħhom. Dan tħabbar il-bieraħ mis-Segretarju Parlamentari Chris Said waqt attività “Il-Ktieb Pass ’il Bogħod Minnek” fil-librerija lokali tan-Nadur f’Għawdex.
Ir-responsabbiltà tal-libreriji, li qabel kienu mmexxija mid-Dipartiment tal-Libreriji, għaddiet għand il-kunsilli lokali permezz tat-tiġdid tal-kunsilli lokali. Chris Said qal li illum f’Għawdex hemm 11-il librerija lokali u kemm ilhom li bdew id-devoluzzjonijiet lill-kunsilli lokali, il-kunsilli ħadmu biex itejjbu dawn il-libreriji, jagħmluhom aktar aċċessibbli u jżidu b’mod qawwi l-ammont u l-varjetà ta’ kotba fihom. Huwa qal li fil-librerija tan-Nadur l-ammont ta’ kotba mhux biss żdied imma aktar milli ttrippla.
Chris Said spjega kif bħala riżultat tad-devoluzzjoni tal-libreriji, il-libreriji kollha f’Għawdex ġew rinovati u żdied l-ispazju fihom. Barra minn dan, fejn ma kienx hemm librerija bħall-każ tal-lokalità tal-Għasri, il-kunsill lokali ra li jwaqqaf waħda ġdida.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali qal li qabel id-devoluzzjoni lill-kunsilli lokali, il-libreriji lokali f’Għawdex kienu jiftħu 4 siegħat fil-ġimgħa, filwaqt li issa qed jiftħu medja ta’ 8 siegħat fil-ġimgħa. Il-Kunsill Lokali tal-Qala saħansitra jiftaħ il-librerija tal-lokalità għal 10 siegħat fil-gimgħa. Chris Said qal li fis-sena 2009 il-budget għal-libreriji lokali f’Malta u Għawdex ġie rduppjat u f’sena l-kunsilli lokali kollha investew aktar minn 188,000 Euro f’kotba għal-libreriji tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari tkellem dwar l-importanza tal-edukazzjoni u t-tagħlim matul il-ħajja u qal li t-tiġdid tal-kunsilli lokali qed jara li l-kunsilli lokali jifirxu l-ħidma tagħhom f’dawn l-oqsma. Il-qari huwa neċessarju biex nilħqu dan il-għan u għalhekk il-ġvern ried li l-libreriji jkunu aċċessibbli għal kulħadd bil-ktieb ikun litteralment, “…pass ’il bogħod minnek”. Permezz tal-prossimità tal-libreriji, aċċessibilità aħjar u għazla akbar ta’ kotba, aktar residenti jitħajru jaqraw u b’hekk ikunu qed jedukaw ruħhom, jitgħallmu u jtejjbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Għat-tieni sena konsekuttiva il-budget tal-kunsilli lokali għax-xiri ta’ kotba qed jiġi rdoppjat u s-Segretarjat responsabbli mill-Kunsilli Lokali ra li dawn il-flus jintefqu biss f’kotba. Is-Segretarjat ra wkoll li nofs il-budget jintefaq fuq kotba pubblikati minn awturi Maltin sabiex l-awturi Maltin jiġu mħeġġa jippublikaw aktar kotba.
Is-Segratraju Parlamentari Chris Said għalaq billi rringrazzja lill-kunsilli lokali Għawdxin talli qed jaħdmu biex iżommu l-libreriji lokali fl-aqwa stat possibbli u qed jinvestu bil-kbir biex jattiraw tfal, żgħażagħ, adulti u anzjani lejn il-qari.
Għall-attività kien preżenti l-Assistent Parlamentari Frederick Azzopardi li għan-nom tal-Ministeru għal Għawdex ippreżenta sett ta’ kotba lil kull librerija f’Għawdex.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990