IMĦABBAR IL-FTUĦ TA’ STAĠUN LIMITAT TAL-KAĊĊA FIR-REBBIEGĦA
Fil-ġimgħat li għaddew, il-Gvern iltaqa’ mal-Kummissjoni Ewropea biex iressaq il-proposti tiegħu dwar il-ftuħ ta’ staġun limitat tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Il-Gvern ibbaża l-proposti tiegħu fuq żewġ konsiderazzjonijiet:
(1) li jiġi stabbilit l-ammont ta’ gamiem u summien li jistgħu jinqabdu biex tiġi assigurata s-sostenibbilità tal-ispeċi tal-għasafar li jistgħu jinqabdu; u
(2) il-perjodu li fih tiġi permessa il-kaċċa fir-rebbiegħa.
Il-kalkoli tal-Gvern, (kif spjegat fil-konsiderazzjonijiet teknici) jindikaw li l-qbid ta’ 13,000 gamiema u 12,000 summiena huwa fil-parametri ta’ “numru limitat” skond id-Direttiva tal-Ghasafar. Madankollu, ma kienx possibbli li jintlaħaq ftehim mal-Kummissjoni fuq din il-proposta u għalhekk id-diskussjonijiet ser ikomplu fix-xhur li ġejjin. Minħabba f’hekk, il-Gvern iddeċieda li fis-sena 2010 jiftaħ staġun limitat ħafna fir-rebbiegħa.
L-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa tal-2010 se jiftaħ mis-Sibt 24 ta’April sal-Ġimgħa 30 ta’ April, iż-żewġ dati inklużi, b’limitu ta’ kaċċa (national bag) ta’ 3,900 gamiema u 3,600 summien. Dan ser isir permezz ta’ ħruġ ta’ 2,500 liċenzja speċjali għall-kaċċa fir-rebbiegħa lill-kaċċaturi li jkunu nteressati.
Il-kaċċa se tkun permissibbli mit-Tnejn sas-Sibt bejn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar. L-ebda kaċċa ma tista ssir fil-Ħdud u Festi Pubbliċi.
Ser jittiehdu mizuri partikolari sabiex ikun zgurat li l-kundizzjonijiet tal-licenzja specjali jkunu osservati bir-reqqa. B’dawn il-miżuri ġodda se jinfetaħ staġun tal-kaċċa sostenibbli fir-rebbiegħa li jkun konformi ma’ Artiku 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar Selvaġġi (Direttiva 79/409/EEC), kif ukoll mas-sentenza li ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fl-10 ta’ Settembru 2009 (Każ C-76/08 Commission v Malta). Dan wara li fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea qablet li “l-kaċċa għall-gamiem u għas-summien matul il-perijodu tal-kaċċa fil-ħarifa ma tistax tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi, f’Malta, soluzzjoni oħra sodisfaċenti…” (Paragrafu 63).
Kemm ser jinhargu licenzji specjali?
Id-Direttur tad-Direttorat ghall-Harsien tal-Ambjent (MEPA) ser johrog 2,500 licenzja specjali ghar-rebbiegħa 2010. Jekk ikun hemm aktar minn 2,500 applikazzjoni tigi mtella’ l-polza. Dawn il-licenzji specjali mhumiex trasferibbli.
Min jista’ japplika licenzja specjali ghar-rebbiegha?
Jista’ japplika kull min ghandu licenzja valida tal-Pulizija ghall-kacca tal-ghasafar fuq l-art.
Fejn jista’ wiehed japplika?
L-ufficji kollha tal-Maltapost jilqghu applikazzjonijiet ghal-licenzji specjali ta’ min hu interessat.
X’inhu l-hlas marbut mal-licenzja specjali?
Il-licenzja specjali ghar-rebbiegħa 2010 tiswa 25 Ewro. Il-flus kollha ser imorru fl-infurzar tar-regolamenti.
Meta wiehed jista’ japplika?
Wieħed jista’ japplika għal-licenzja specjali għar-rebbiegħa 2010 bejn it-Tnejn 12 ta’ April u l-Hamis 15 ta’ April f’nofsinhar. Id-dati ta’ applikazzjonijiet għal-licenzja specjali għar-rebbiegħa 2011 ser jitħabbru aktar tard.
Kif ser ikun imqassam il-limitu tal-kacca (national bag)?
Biex jiġi rispettat il-limitu ta’ għasafar li jistgħu jinqabdu fir-rebbiegħa 2010, se tingħata kwota tal-kaċċa ta’ massimu ta’ 2 għasafar f’ġurnata waħda u massimu ta’ qbid ta’ 3 għasafar għal kull liċenzja li tinħareġ. L-istaġun tal-kaċċa jingħalaq malli jintlaħaq il-limitu ta’ għasafar li jistgħu jinqabdu, u jekk jintlaħaq il-limitu ta’ speċi waħda ta’ għasafar biss, jiġi pprojbit il-kaċċa ta’ dak l-ispeċi partikolari għall-kumplament tal-istaġun.
Kif ser ikun zgurat l-infurzar tal-kundizzjonijiet tal-licenzja specjali?
Il-Gvern huwa kommess li jżid is-superviżjoni u l-infurzar tal-istaġuni tal-kaċċa biex jiġi aċċertat li jinżammu l-limiti tal-kaċċa. Se jiżdiedu l-pulizija ngaġġati mal-Unit għall-Infurzar tal-Liġi Amministrattiva (ALE), u se jiġu reklutati hunting marshals ġodda fuq bażi volontarja għall-perjodu tal-kaċċa fir-rebbiegħa.
Il-kaċċaturi kollha li jingħataw liċenzja għall-kaċċa huma obbligati li jilbsu armband ta’ identifikazzjoni fil-ħinijiet kollha tal-kaċċa, kif ukoll li jżommu fuqhom il-liċenzja speċjali tal-kaċċa. L-armbands se jkollhom kulur u numru ta’ identifikazzjoni u għandhom jiffaċilitaw l-identifikazzjoni ta’ kull min għandu liċenzja speċjali.
Il-kaċċaturi se jkunu obbligati li hekk kif jaqbdu tajra jinfurmaw permezz ta’ SMS fil-waqt li jimlew il-Carnet de Chasse qabel ma jitilqu miż-żona tal-kaċċa. Għal dan il-għan, il-pulizija se tagħmel spot checks regolari biex jiġu sorveljati l-Carnet de Chasse u l-kwoti tal-kaċċa.
Mhu se jiġi ttolerat l-ebda ksur tar-regolamenti. Min jinqabad jikser ir-regoli u l-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ liċenzji tal-kaċċa jitlef il-liċenzja speċjali tal-kaċċa fir-rebbiegħa u l-liċenzja ġenerali tal-kaċċa u jingħata wkoll penali oħra skond il-liġi, skont is-severità tal-każ.
Kunsiderazzjonijiet teknici Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar Selvaġġi joffri l-possibilità li jinfetaħ staġun qasir tal-kaċċa fir-rebbiegħa bbażat fuq il-qbid ta’ numru limitat tal-għasafar skond il-prinċipju ġenerali tal-proporzjonalità.
Il-kwota tal-kaċċa li qed jistabilixxi l-Gvern fir-regolamenti ġenerali huwa bbażat fuq 1% tar-rata ta’ mortalità annwali tas-summien u l-gamiem li jpassu mill-Afrika ta’ Fuq għall-Ewropa. Il-kalkolu ġie bbażat fuq statistika miġbura mill-BirdLife International u jassumi li terz tal-popolazzjoni tal-ispeċi tas-summien u l-gamiem ipassu minn fuq Malta (peress li jeżistu tliet rotot ta’ migrazzjoni tal-għasafar mill-Ewropa għall-Afrika). Fl-Unjoni Ewropea l-breeding population tal-gamiem huwa ta’ 1.72 miljun par, filwaqt li l-breeding population tas-summien huwa ta’ 808,000 par.
Ittieħed in konsiderazzjoni l-fatt li l-gamiem iwelldu bejn tnejn u tliet friegħ filwaqt li s-summien iwelldu bejn erba’ u għaxar friegħ, u li r-rata ta’ mortalità tal-gamiem hija ta’ 64% għal friegħ fl-ewwel sena u 50% adulti (skond il-Kompendium der Vögel Mitteleuropas – KVM), kif ukoll 64% friegħ fl-ewwel sena u 50% adulti (skond is-sors tal-Birds of the Western Palearctic – BWP).
Il-Gvern ibbaża l-kalkoli tiegħu fuq l-aktar stima konservattiva biex jiġi assigurat l-ogħla livell ta’ protezzjoni tal-ispeċi tal-għasafar li jiġu identifikati għall-kaċċa.
Fil-każ tal-gamiem, ġie kkalkulat minimum breeding success ta’ 733,866 (1.72 miljun par ÷ 3 rotot = 573,333 par jew 1,146,666 gamiema. 1,146,666 X 64% [mortality rate] = 733,866) u rata ta’ mortalità ta’ 573,333 gamiem fil-każ tal-adulti (1,146,666 X 50% [mortality rate of adults]). Dan ifisser total annual mortality ta’ 1,307,199 (i.e. 733,866 + 573,333). 1% tar-rata ta’ mortalità annwali (1,307,199 X 1%) tal-gamiem huwa ekwivalenti għal 13,071 gamiema.
Fil-każ tas-summien, ġie kkalkulat minimum breeding success ta’ 1,077,332 (808,000 par ÷ 3 rotot = 269,333 par jew 538,666 summiena. 1,077,332 X 80% [mortality rate] = 861,865) u rata ta’ mortalità ta’ 371,679 summiena fil-każ tal-adulti (538,666 X 69% [mortality rate of adults]). Dan ifisser total annual mortality ta’ 1,233,544 (i.e. 861,865 + 371,679). 1% tar-rata ta’ mortalità annwali (1,233,544 X 1%) tas-summien huwa ekwivalenti għal 12,335 summien.
Il-Gvern ħa konsiderazzjoni wkoll tat-tul tal-perjodu li fih tiġi permessa l-kaċċa. Fir-regolamenti generali l-ġodda, il-perjodu ta’ tliet ġimgħat ġie identifikat wara li ġie stabbilit li l-prenuptial migration tas-summien u l-gamiem mill-Italja jseħħ mill-10 ta’ April sal-31 ta’ Mejju, il-prenuptial migration tal-gamiem mill-Greċja jsir fl-istess perijodu bħall-Italja, filwaqt li dak tas-summien mill-Greċja jsir mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Mejju.
L-istatistika tal-Carnet de Chasse bejn l-2002 u l-2007 juri li l-aktar perjodu importanti għall-kaċċaturi f’Malta huwa l-aħħar tlett ġimgħat ta’ April. Fl-aħħar tliet ġimgħat ta’ April, bejn l-2002 u l-2007 inqabdu 70.92% u 81.55% tal-perċentwal maqbud ta’ gamiem u summien rispettivament.
Il-Gvern għażel perjodu ta’ tliet ġimgħat biex ikopri l-perjodu ta’ peak migration taż-żewġ speċi ta’ għasafar u jżid l-opportunità biex għasafar li jpassu tard fil-perijodu jwelldu. B’hekk jiġu protetti l-għasafar fil-perijodu ta’ riproduzzjoni f’Mejju (skond Artiklu 7(4) tad-Direttiva dwar l-Għasafar Selvaġġi) u jnaqqas il-possibilità ta’ kaċċa illegali ta’ raptors li jpassu fil-bidu ta’ Mejju.
Madankollu, ma kienx possibbli jintlaħaq ftehim mal-Kummissjoni fuq din il-proposta u għalhekk id-diskussjonijiet ser ikomplu fix-xhur li ġejjin. Minħabba f’hekk, il-Gvern iddeċieda li fis-sena 2010 jiftaħ l-istaġun limitat ħafna fir-rebbiegħa.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990