Left arrow Go Back

FONDI EWROPEJ BIEX JIĠI RESTAWRAT IL-ĦABS L-ANTIK TA’ KORDIN

PR0604
Date Icon 08/04/2010

“Il-Programm URBACT huwa mibni fuq il-prinċipju ta’ bliet u komunitajiet sostenibbli. Dan hu kruċjali għall-iżvilupp fit-tul u għal tkabbir permezz ta’ pjanar integrat. Dan jaqbel mal-prioritajiet determinati mid-Direttivi Ewropej li qed jiggwidaw il-prioritajiet ta’ investiment ta’ Malta fil-Viżjoni 2015”

Dan qalu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, l-Onor. Chris Said meta indirizza business breakfast organizzat mill-kunsill lokali ta’ Paola dwar il-proġett REPAIR taħt il-programm tal-Unjoni Ewropeja URBACT. Permezz tal-proġett REPAIR, il-Kunsill Lokali, flimkien ma’ msieħba oħra, qed jibbenefika mill-programm URBACT sabiex jirrestawra u jerġa juża l-bini storiku u s-sit tal-Ħabs l-Antik ta’ Kordin.

Waqt il-business breakfast ġie diskuss kif wieħed jista’ jasal għall-użu mill-ġdid ta’ bini u siti storiċi b’mod sostenibbli billi jiġi massimizzat l-użu ta’ enerġija effiċjenti, immaniġġjar aħjar tal-produzzjoni tal-iskart u tal-konsum tal-enerġija, u użu akbar ta’ enerġija rinovabbli.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li l-inizjattiva tal-kunsill lokali fl-ambitu tal-programm URBACT u t-temi diskussi fil-business breakfast jaqblu mal-politika tal-Gvern li jrid jasal għal żvilupp urban u lokalitajiet sostenibbli.

Huwa qal li s-Segretarjat responsabbli mill-Kunsilli Lokali dejjem inkoraġġixxa lill-kunsilli lokali sabiex jaħtfu aktar opportunitajiet ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea. Proprju minħabba f’hekk il-MEUSAC ingħata r-rwol li jgħin lill-kunsilli lokali jindividwaw programmi ta’ finanzjament Ewropew u jgħin fil-preparazzjoni tal-applikazzjonijiet. Barra minn hekk il-Gvern waqqaf ukoll fond ta’ ko-finanzjament sabiex jġħin lill-kunsilli lokali jagħmlu tajjeb għal parti tagħhom fil-ko-finanzjament.

Chris Said qal li l-ħarsien u l-użu tal-potenzjal tal-identita’ tagħna huwa importanti ħafna u l-preservazzjoni ta’ bini u siti storiċi jgħin biex din l-identita’ tibqa’ intatta u tissaħħaħ. Huwa qal li fix-xhur li għaddew il-Gvern imbarka fuq proġetti ta’ restawr fuq is-swar u fuq bini u siti storici fil-Belt Valletta, fil-Birgu, l-Imdina u ċ-Ċittadella.

Chris Said qal li l-Gvern ma jistax jagħmel kollox waħdu iżda jrid jaħdem flimkien mal-kunsilli lokali biex flimkien tassew niżviluppaw l-ambjent urban li huwa fundamentali biex naslu għal-lokalitajiet sostenibbli.

Dan qed isir permezz ta’ numru ta’ skemi speċjali fosthom l-Urban Improvement Fund (UIF) fejn numru ta’ kunsilli lokali wettqu jew qed iwettqu proġetti li jtejjbu l-kwalita’ tal-ħajja tar- residenti f’żoni urbani. Is-Segretarju Parlamentari Said qal li f’dan ir-rigward, proprju għada, l-MEPA se tiffirma kuntratt ma’ 14-il kunsill lokali li se jingħataw għajnuna biex iwettqu proġetti f’żoni urbani.

Chris Said semma skemi oħra speċjali għall-kunsilli lokali, fosthom l-Iskema ta’ Enerġija Effiċjenti, Skema għat-Titjib tal-Pjazez u Ċentri Storiċi b’fond ta’ 2 miljun Ewro u Skema ta’ Tħawwil ta’ Siġar fejn b’kollox tħawwlu madwar 4,000 siġra fl-2010

Il-Gvern qiegħed ukoll jiffinanzja proġett pilota ta’ studju dwar l-implimentazzjoni ta’ lokalitajiet sostenibbli fi tlett lokalitajiet u proġett ieħor ta’ risk assessment ta’ ġonna pubbliċi u playing fields.

Chris Said qal li dan kollu juri l-impenn tal-Gvern sabiex jasal għall-kunċett ta’ lokalitajiet sostenibbli. Issa jmiss li l-kunsilli lokali jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li qed joffrilhom il-Gvern u l-Unjoni Ewropeja sabiex huma wkoll jagħmlu l-parti tagħhom f’dan il-qasam.

Is-Segretarju Parlamentari għalaq billi qal li s-suċċess tal-kunsilli lokali jitkejjel b’kemm dawn jirnexxielhom jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum tar-residenti b’mod pożittiv. Huwa qal li jinsab konvint li jekk il-kunsilli lokali jagħrfu jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li għandhom quddiemhom, ikunu jistgħu jaslu għal dan il-għan.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow