Malta u l-Kroazja determinati li jsaħħu r-relazzjoni kummerċjali bejniethom
Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg qal li Malta u l-Kroazja għandhom potenzjal biex ikattru r-relazzjonijiet kummerċjali bejniethom, u sabiex joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ investiment.
Fil-Kroazja, il-Viċi Prim Ministru kellu taħditiet mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Kroat, Jadranka Kosor. Ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi huma meqjusa bħala eċċellenti. Fl-aħħar snin kien hemm żjarat bilaterali li komplew saħħew din ir-relazzjonijiet. Dr Tonio Borg saħaq li Malta u l-Kroazja għandhom jisfruttaw dawn ir-relazzjonijiet tajbin speċjalment fl-oqsma tal-investiment, il-kummerċ, it-turiżmu u l-kultura, u s-servizzi finanzjarji.
Fit-taħditiet ġew diskussi aspetti politiċi fosthom li Malta hija favur Unjoni Ewropea miftuħa għal iktar stati. Dan iżda fuq il-premessa li l-istati aspiranti li jidħlu fl-Unjoni Ewropea jilħqu l-kriterji meħtieġa ta’ Kopenagen. F’dan ir-rispett Malta dejjem appoġjat id-dħul tal-Kroazja fl-Unjoni Ewropea.
Il-Viċi Prim Ministru qal li negozjanti Maltin diġà rnexxilhom jistabilixxu kuntatti tajbin fil-Kroazja. Hemm għadd ta’ negozjanti li għandhom interessi fil-kostruzzjoni, l-kura tas-saħħa, fil-qasam marittimu u f’oqsma oħra. Għaldaqstant huwa essenzjali li ż-żewġ naħat jiskopru toroq ġodda ta’ kif jistgħu jinfetħu swieq ġodda biex jitkattar l-investiment u jinħolqu iktar impjiegi.
Matul din iż-żjara il-Viċi Prim Ministru iffirma ftehim f’isem il-gvern Malti, liema ftehim jittratta l-oqsma tal-Kultura, l-Edukazzjoni u l-Koperazzjoni Xjentifika.
Dr Tonio Borg semma wkoll il-kollaborazzjoni meħtieġa fl-istudji diplomatiċi permezz tal-Akkademja Mediterranja tal-Istudji Diplomatiċi, il-MEDAC. Huwa saħaq li jkun opportun għall-Kroazja, li fil-futur tagħti l-kontribut tagħha fil-MEDAC.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990