DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU FL-OKKAŻJONI TAL-INAWGURAZZJONI TAL-WIRJA DWAR SAN PAWL F’MALTA, U L-IDENTITÀ MALTIJA, FIL-BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA – L-ERBGĦA, 7 TA’ APRIL 2010
L-identità ta’ pajjiż m’ hix formula astratta, u lanqas ma hi burdata storika li tiġi u tmur. Hi proċess kumpless u twil. Tissawwar u tinbena bil-mod il-mod u saff fuq saff matul is-sekli, u m’ hix xi ħaġa awtomatika, jew frott ta’ organizzazzjoni artifiċjali jew impożizzjoni min-naħa ta’ poter jew ieħor. Hi realtà naturali li tinbet fil-ħamrija tal-pajjiż, jiġifieri fil-ħsieb u fl-għażla li kull pajjiż jagħmel f’mumenti deċiżivi. Hija l-esperjenza kollettiva ta’ poplu sħiħ li jagħraf lilu nnifsu fil-mera tal-kuxjenza tiegħu u jasal biex maż-żmien, fil-milja taż-żmien, iseddaq lilu nnifsu bħala entità nazzjonali, kemm bħala nazzjon u wkoll bħala stat.
Pajjiżna għadda minn dawn il-promozzjonijiet kollha u laħaq maż-żmien il-quċċata tas-sovranità, tant li mbagħad kellu l-kredenzjali kollha biex lil din is-sovranità jsarrafha u jiżviluppaha, ikabbarha f’sovranità kollettiva, ta’ livell kontinentali, jiġifieri fil-kumpanija tal-pajjiżi l-oħrajn. Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kienet u tibqa’ s-siġill tal-fatt sabiħ li Malta għandha l-istatura politika ta’ nazzjon daqs kull nazzjon ieħor.
Dan il-valur kbir kollu għandu n-nisel bikri tiegħu fil-kultura tal-pajjiż. Kienet il-kultura, mifhuma fis-sens wiesa’ tagħha ta’ esperjenza kreattiva u espressiva, li wasslet lil Malta, gżira fin-nofs tal-Mediterran, imdawra b’baħar interkontinentali, biex tafferma ruħha fis-sensi kollha bħal kull pajjiż sovran ieħor, bħal kull membru ieħor tal-Unjoni Ewropea.
Bħal fil-każ tal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej, il-bażi ta’ din il-kultura li wasslet għal dan l-avvanz enormi kienet kultura Kristjana, dik li għaġnet l-istorja tal-Ewropa kollha. L-istorja turina dan kollu b’mod ċar, u l-verità tinsab hemm quddiemna biex nifhmuha u nifirħu biha waqt li nħarsu lejn l-imgħoddi biex insiru napprezzawh aktar u nħarsu lejn il-ġejjieni biex inkunu nafu fejn sejrin. Bħala punt ta’ riferiment ma jistax ma jkollniex dejjem quddiem għajnejna din it-tradizzjoni reliġjuża.
Dan ifisser li l-kultura hi aġent ħaj ta’ avvanz politiku. Jekk dik il-kultura tkun prinċipalment reliġjuża, allura anki l-istess reliġjon issir il-kawża, jew parti importanti mill-kawża, tal-emanċipazzjoni politika tal-pajjiż. Din hi l-esperjenza reali, evidenti ta’ Malta, l-istorja li aħna għexna matul is-sekli bħala Maltin bi tradizzjonijiet, b’lingwa, bi drawwiet u fuq kollox bi twemmin li ngħaġen u sar ħaġa waħda mal-mod kif naħsbu u kif ngħixu.
Fil-każ Malti l-għarfien tal-wirt marbut mal-figura imponenti ta’ San Pawl huwa għarfien tal-aspett l-aktar essenzjali, fundamentali li hemm fil-formazzjoni tal-identità tagħna. Mill-miġja ta’ San Pawl fostna, elf disa’ mija u ħamsin sena ilu ġara li Malta mhux biss saret Nisranija iżda saret ukoll pajjiż li beda dejjem aktar jingħaraf bħala ċentru ta’ ċiviltà. Il-figura ta’ San Pawl saret kważi kważi Maltija, u żgur hi Maltija fil-perċezzjoni kulturali li għal sekli sħaħ iddistingwietna bħala pajjiż immensament rikk fil-kultura nazzjonali tiegħu. Hi kultura prominentement Nisranija u Pawlina.
Aspetti differenti li jiffurmaw il-karattru u l-identità ta’ Malta huma marbuta b’mod jew b’ieħor ma’ San Pawl. Mhux ta’ b’xejn li tradizzjonalment San Pawl issejjaħ dejjem bħala ‘San Pawl Missierna’ jew ‘Missierna San Pawl’. Dan l-orgolju reliġjuż huwa wkoll orgolju politiku u kulturali, dak li wassal lil Malta ssir dak li saret. Mill-arkitettura sal-mużika, mill-pittura sal-iskultura, mil-letteratura sal-festi, u sad-drawwiet, u oqsma oħrajn, kollox jindika li San Pawl għandu l-post l-iżjed prominenti fis-sensiela ta’ kawżi li taw forma lill-karattru tal-abitant u tal-abitat ta’ Malta, bħalma għandu post prominenti wkoll fost is-sensiela ta’ mottivi li nebħu u xprunaw lill-artisti, lill-artiġjani, lill-koltivaturi kollha tal-kultura Maltija, lill-attivisti kollha fil-qasam kulturali.
Huwa xieraq u doveruż illum li nħarsu lura u naraw ftit x’wirt kulturali kbir għandna li għandu ispirazzjoni Pawlina. Din il-wirja għandha l-għan li tkun vetrina ta’ dan il-wirt uniku li jagħtina tant ferħ bħala Maltin u tant fiduċja fina nfusna bħala nies li rridu nipproġettaw il-futur tagħna daqskemm ukoll, kif inhuwa xieraq, il-futur ta’ wliedna u ta’ wlied uliedna. Forsi wasal il-waqt storiku fuqna, bħala pajjiż, li nsaħħu l-memorja tagħna bħala adulti Maltin u li naċċertaw li lil uliedna noffrulhom kull opportunità biex isiru jafu min kienet u x’kienet u x’inhi, u x’nixtiquha tibqa’ Malta fid-dawl ta’ dan il-wirt li lill-Maltin ta’ qabilna żammhom sħaħ mhux biss fil-fidi imma wkoll fil-fiduċja tagħhom infushom.
Din il-wirja hi maħsuba li tiftaħ tieqa fuq ir-rikkezza tal-patrimonju Pawlin ta’ Malta, patrimonju li aħna nqisuh ta’ valur kontinentali u dinji. Jonqos issa li dan il-patrimonju jimla l-qlub u l-imħuħ qabelxejn tat-tfal u taż-żgħażagħ tagħna. Jalla din il-wirja tilħaq lil kulħadd, imma fuq kollox lit-tfal u liż-żgħażagħ biex permezz tagħha jagħrfu aktar l-identità tagħna.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990