Imniedi kors għas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali
Illum tnieda kors organizzat mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u mill-iStaff Development Organisation bil-għan li s-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u uffiċjali pubbliċi li aċċettaw li jissieħbu fil-pool ta’ Segretarji Eżekuttivi jkunu mħejjija aħjar għax-xogħol tagħhom. Fost is-suġġetti tal-kors hemm ħiliet maniġerjali u ta’ tmexxija.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said fetaħ il-kors b’diskors li matulu tkellem dwar ir-rwol importanti tas-Segretarji Eżekuttivi. Chris Said qal li l-importanza tas-Segretarji Eżekuttivi qed tintwera biċ-ċar anke bil-ħatra tagħhom bħala uffiċjali pubbliċi u bl-opportunità ta’ taħriġ kontinwu u regolari li ser tinghata lilhom.
Huwa semma kif permezz tat-tiġdid tal-Kunsilli Lokali l-Gvern ried jasal għal pożizzjoni fejn is-Segretarji Eżekuttivi jkunu jistgħu jesegwixxu deċiżjonijiet leġittimi u jwaqqfu milli jittieħdu deċiżjonijiet li mhumiex hekk. Il-Gvern, kompla Chris Said, ried li s-Segretarji Eżekuttivi jkunu jistgħu jagħmlu dan mingħajr biża’ relatat mal-impjieg jew mal-performance bonus tagħhom u kien għalhekk li ttieħdet id-deċiżjoni li s-Segretarji Eżekuttivi jsiru uffiċjali pubbliċi u jirrispondu direttament lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali.
Chris Said qal li l-pool tas-Segretarji Eżekuttivi nħoloq biex tiġi aċċertata aktar trasparenza. Ser ikun possibbli wkoll li dawn is-Segretarji Eżekuttivi jimxu minn Kunsill Lokali għal ieħor, filwaqt li jibqgħu javvanzaw fil-karriera tagħhom fis-servizz pubbliku. Huwa fakkar ukoll kif bħala uffiċjali pubbliċi, s-Segretarji Eżekuttivi ser ikunu marbuta jsegwu l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika u l-Kodiċi ta’ Etika. Dan it-tibdil ser jassigura li l-Kunsilli Lokali jkunu iżjed konformi mal-liġijiet tal-pajjiż filwaqt li tkun salvagwardata l-awtonomija tagħhom fl-ambitu tal-liġi.
Chris Said għalaq billi fakkar li s-Segretarji Eżekuttivi għandhom rwol fundamentali fl-operat tal-Kunsilli Lokali u għandhom ir-responsabbiltà li jaraw li l-Kunsilli Lokali f’pajjiżna jibqgħu mexjin ’il quddiem.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990