Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ASSISTENT PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA’, L-ONOR. DR. PETER MICALLEF, FL-OKKAZJONI TAL-JUM DINJI TAS-SAĦĦA 2010 – PALAZZO CASTELLANIA, IL-BELT VALLETTA – 7 TA’ APRIL 2010

PR0595
Date Icon 07/04/2010

Nilqagħkom fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita’ fl-okkazjoni tal-Jum Dinji tas-Saħħa. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tfakkar is-7 t’April bħala il-ġurnata li fiha twaqqfet u permess ta’ din il-gurnata, kull sena tiġbed attenzjoni lejn aspett partikolari tas-Saħħa. Din is-sena, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed tagħti mportanza lil bliet madwar id-dinja u kif dawn jaffettaw is-saħħa ta’ kull minn jgħix fihom.

F’pajjizna, dan il-kunċett jieħu xejra kemm xejn differenti minn pajjiżi kbar li għandhom bliet enormi fejn il-popolazzjoni tilħaq il-miljuni ta’ nies. Iżda xorta waħda qed naraw tibdil kbir f’pajjiżna. Naraw bliet u rħula dejjem jikbru fejn saħansitra hemm fejn ma baqax distinzjoni bejn raħal u ieħor. Id-density tal-popolazzjoni ukoll qegħda dejjem tikber, u fil-fatt ġie rrappurtat li Malta għandha l-aktar density għolja fost il-pajjiżi membri, b’1,274 persuna għal kull kilometru kwadru.

Iżda fejn jgħix il-bniedem huwa wieħed mill-fatturi li jaffettwa kemm ikun b’saħħtu. Huwa fattur wieħed minn dawk il-fatturi li bl-Ingliż ngħidulhom is-Social Determinants of Health. Anke f’pajjiż żgħir bħal tagħna nsibu differenza bejn lokalita’ u oħra. Differenzi jeżistu u rridu nagħmlu minn kollox biex innaqsuhom u nneħħuhom għal kollox.

Bħala gvern, aħna rridu li l-ibliet u rħula fejn ngħixu joffru dak kollu li hu l-aħjar għall-ħajja b’saħħitha. Għalhekk irridu naraw li jkun hemm aktar infurzar tal-liġijiet kemm tat-tipjip f’postijiet pubbliċi kif ukoll dawk ta’ l-alkoħol fost il-minorenni. Irridu nagħmluha aktar faċli għall-poplu kollu biex ikun jista’ jimxi aktar u jagħmel aktar eżerċizzju billi nipprovdu postijiet fejn jista’ jsir dan, bankini aħjar u tracks għall-mixi.

Hawn magħna llum is-Sindku ta’ Santa Luċija fejn għandhom waħda minn dawn it-tracks u li tintuża minn nies ta’ diversi etajiet. Nawguraw li naraw aktar minn dawn u meta nkunu qed nippjanaw, ninkludu s-saħħa fil-pjanijiet tal-irħula u l-ibliet tagħna u niftakru li hemm bżonn ta’ aktar postjiet pubbliċi fejn wieħed jistgħa’ jirrikrea ruħu u jieħu ħsieb saħtu.

Ma nistgħux naħdmu waħedna f’dan il-qasam imma rridu naħdmu flimkien għal saħħa aħjar għall-poplu kollu. B’dan il-għan, id-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni ta’ Mard ikkolabora ma’ l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali biex flimkien ma’ numru ta’ kunsilli, jittellgħu attivitajiet madwar Malta u Għawdex favur is-saħħa. Nilqgħakom b’mod speċjali u nawguralkom ħidma li tawgura bliet u rħula verament b’saħħithom.

Li qed nafdaw f’idejkom huwa l-fatt li tistgħu toħolqu opportunitajiet li jgħinu lill-poplu tagħkom jgħix aħjar. Qed nara s-Sindku ta’ Had-Dingli li bħala kunsill jorganizzaw regolarment mixja għal kulħadd u li qaluli li dejjem qed issir aktar popolari. Ħadt dan l-eżempju bħala mod ta’ kif il-Kunsill jista’ jmexxi xi ħaga favur is-saħħa u li mhux biss hi tajba għas-saħħa fiżika, imma daqstant ieħor għas-saħħa mentali u soċjali tan-nies ta’ din il-lokalita’.

Nistieden il-lokalitajiet kollha biex jidentifikaw mixjiet fil-lokalitajiet tagħhom għax ħafna drabi, kull ma jkun hemm bżonn huwa ftit ideat. Inħeġġiġkom biex torganiżżaw attivitajiet sportivi f’nofs il-pjazza, għalquha għall-karozzi darba kull tant, u għamlu xi logħba football jew żfin. Ikkommemoraw il-ġurnata tal-lokalita’ b’mod innovattiv u li jgħin il-popolazzjoni tagħkom tkun aktar b’saħħitha.

Kullħadd jgħidilna li bħala poplu nħobbu nieklu u nistgħu norganizzaw fieri tal-ikel; imma nkunu żguri li dawn jippromwovu ikel bnin u frisk li għandna tant minnu. Minn naħa tad-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni ta’ Mard, dan jista’ jipprovdi testijiet tal-BMI, tal-pressjoni u affarijiet oħra biex inkunu qed insaħħu l-messaġġ tagħna ta’ saħħa aħjar għal kullħadd.

Illum il-gurnata m’aħniex qed inħarsu biss lejn il-kura li għandha tingħata meta persuna timrad. Qegħdin naraw kif nistgħu nħarsu saħħitna waqt li għadna qed ingawduha. Kulħadd għandu jħoss ir-responsabbilta’ lejn is-saħħa tiegħu personali, tal-familja u ħbieb, tal-lokalita’ fejn jgħix u ta’ dak kollu li hemm madwaru. B’hekk biss nistgħu nilħqu livell għoli ta’ ħajja b’saħħitha fi żmien meta qed ngħixu aktar, u dawk is-snin żejda li għandna, ngawduhom b’saħħa ferm aħjar.

Naf li kull lokalita’ rappreżentata hawn ser torganiżża xi attivita jew oħra matul dan ix-xahar. Nawguralkom kull suċċess f’dak li ser tagħmlu u li tkomplu matul is-sena kollha u nħeġġu lokalitajiet oħrajn li jissieħbu magħna meta jistgħu, anke matul is-sena.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow