STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, EKONOMIJA U INVESTIMENT DWAR IR-RAPPORT TAL-BORD INTERN TAL-ENEMALTA
Fuq talba tal-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni Enemalta ħatar Bord Intern sabiex jinvestiga u jirrapporta s-sekwenza ta’ avvenimenti li nhar il-Ġimgħa 2 ta’ April 2010, wasslu għall-qtugħ tal-provvista tad-dawl madwar Malta u Għawdex kollha. Dan il-Bord ingħata kull awtorità meħtieġa sabiex jinvestiga lil kull persuna nvoluta u informazzjoni relatata. Il-Bord ippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu tard it-Tnejn filgħaxija.
Qabel ma seħħ ix-shut down totali, id-domanda kienet ta’ 210 MW, li minnhom 153 MW kienu qed jiġu ġenerati mill-power station ta’ Delimara u 57 MW minn dik tal-Marsa.
Fis-7:27 ta’ filgħaxija, l-ispinning reserve capacity kienet ta’ 5MW. Kif inhi l-proċedura normali, ingħatat ordni biex tinxtegħel it-turbina JB2 f’Delimara biex tlaħħaq mal-peak li jintlaħaq normalment fil-għaxijiet. Madankollu, irid ikun iċċarat li l-load preċiża qatt ma tista’ tiġi kkalkulata bi preċiżjoni minħabba l-effett tal-kundizzjonijiet tat-temp u l-istaġuni. Għalhekk, l-inġiniera jużaw il-ġudizzju professjonali tagħhom u d-data storika sabiex jaslu għal deċiżjoni.
Sfortunatament, nhar il-Ġimgħa, it-talba għall-enerġija żdiedet tant li t-turbina ma setgħetx tiġi sinkronizzata fil-ħin b’mod li ma taqax il-frekwenza tas-sistema. Il-fatt li t-turbina ma setgħetx tissinkronizza l-frekwenza, kien dovut għal kundizzjonijiet abnormali fuq in-network.
Iż-żieda fil-load bejn is-7.27 u t-7.37 ta’ filgħaxija kienet ta’ 11.5MW. Din kienet aktar mid-doppju tar-riżerva ta’ 5MW, u għalhekk wassal f’nuqqas fil-ġenerazzjoni u eventwalment għal tnaqqis fil-frekwenza.
Il-Bord innota li d-direttivi mposti mill-GWU fil-ħin tal-inċident wasslu biex il-proċess ta’ komunikazzjoni bejn iż-żewġ power stations kien anqas effiċjenti u ħa aktar ħin. Dan kellu wkoll effett negattiv fuq il-management u l-ġestjoni ta’ din is-sitwazzjoni partikolari. B’konsegwenza t’hekk, l-inġinier fil-Marsa beda jitfi numru ta’ feeders. Iżda dan ma kienx biżżejjed biex jevita t-tripping tas-sistema minħabba l-fluctations fil-vultaġġ.
Il-load shedding systems f’Delimara u fil-Marsa huma ddiżinjati sabiex jaġixxu ta’ malajr meta jkun hemm trips tal-generatung units u frekwenza baxxa. Dawn ma jaħdmux fuq frekwenza baxxa, minħabba r-riskju ta’ overloading tal-interconnector bejn il-Marsa u Delimara.
Ir-rapport iressaq 4 rakkomandazzjonijiet li huma:
1. li r-riżerva biex tlaħħaq mad-domanda tkun ta’ 10MW flok 5MW li tippermetti marġini akbar ta’ sigurtà f’każ ta’ żidiet mhux mistennija fil-loads; 2. li tkun ikkunsidrata l-possibbiltà ta’ load shedding indipendenti b’rabta mal-frekwenza; 3. li ma jiġux permessi direttivi li jillimitaw il-komunikazzjoni bejn il-ħaddiema fit-taqsima tal-ġenerazzjoni; u 4. li tiġi ndirizzata r-responsabbiltà diretta li seta’ kellhom l-inġiniera responsabbli waqt il-ħin tal-inċident.
Il-Ministru Tonio Fenech laqa’ r-rapport li ġie preżentat lilu l-bieraħ filgħaxija, u talab li r-rakkomandazzjonijiet jiġu ndirizzati b’effett immedjat.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990