DETTALJI TAĊ-ĊERIMONJA TAL-WASLA U TLUQ TAL-Q.T. IL-PAPA BENEDITTU XVI F’MALTA
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li ngħatat dalgħodu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ingħataw id-dettalji taċ-ċerimonji tal-Wasla u Tluq tal-Q.T. il-Papa Benedittu XVI f’Malta.
Charles Bonello, Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv Nazzjonali qal illi dawn iċ-ċerimonji huma mportanti ħafna għax huwa l-mod kif il-pajjiż jilqa’ u jsellem lil Kap ta’ Stat. Charles Bonello kompla li dawn iċ-ċerimonji qed isiru bl-involviment ta’ diversi għaqdiet fosthom l-Malta International Airport (MIA), l-Office of the Manager, Airport Security (OMAS) u l-Airmalta u qed ikunu koordinati mill-Forzi Armati ta’ Malta.
Il-Kaptan Joe Cachia mill-AFM, qal illi l-ajruplan tal-Q.T. il-Papa ser jasal fil-5.00 p.m. u hekk kif il-Papa jinzel mill-ajruplan, jintlaqa’ mill-President ta’ Malta, l-E.T. George Abela u s-Sinjura Abela, mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi u s-Sinjura Gonzi, mill-Arċisqof ta’ Malta l-E.T. Mons. Pawl Cremona, kif ukoll mill-Isqof t’Għawdex, Mons. Mario Grech.
Wara l-President ta’ Malta, jakkumpanja lill-Q.T. il-Papa Benedittu XVI fuq id-dias biex jingħata s-Salut Nazzjonali permezz tad-daqq tal-Innijiet ta’ Malta u tal-Vatikan. Iċ-ċerimonja tkompli b’diskors ta’ merħba mill-President ta’ Malta u diskors mill-Q.T. il-Papa Benedittu XVI.
Iċ-ċerimonja tat-tluq mistennija tibda’ għall-ħabta tal-6.40 p.m. Il-Papa ser jingħata s-salut permezz tad-daqq tal-Innijiet ta’ Malta u tal-Vatikan, u jsiru diskorsi mill-President ta’ Malta u mill-Papa. Il-Papa jħalli Malta fis-7.10 p.m. permezz tat-titjira tal-Airmalta.
Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet, kien hemm prezenti wkoll ic-Chief Executive Officer tal-Airmalta, is-Sur Joe Cappello li qal illi din ser tkun it-tielet darba li l-linja nazzjonali tal-ajru, l-Airmalta ser tkun qed twassal Papa lejn Ruma, bid-darbtejn l-oħra jkunu fl-1990 u l-2001, meta żar pajjiżna l-Papa Ġwanni Pawlu II.
Joe Cappello kompla jgħid li l-Airmalta hija onorata b’dan il-privileġġ u żied jgħid illi l-ajruplan tal-Airmalta li ser jintuza fit-titjira ser ikun il-KM1950, li ssemma apposta peress li l-QT il-Papa ser ikun qiegħed iżur Malta fl-okkazjoni tal-1950 Anniversarju mill-miġja ta’ San Pawl f’Malta.
Prezenti wkoll kien hemm il-Kaptan Joseph Agius li ser ikun qiegħed imexxi din it-titjira u l-Pursor Joe Fava li ser ikun qiegħed imexxi l-Cabin Crew tat-titjira. Ma’ dawn kien hemm ukoll rapprezentanti mill-OMAS li f’idejhom taqa’ r-responsabbilta’ tas-sigurta’ fl-Ajruport u l-MIA.
Ic-Cerimonji tal-wasla u tat-tluq ser ikunu mxandra b’mod dirett fuq il-mezzi tax-Xandir.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990