Left arrow Mur Lura

WIRJA F’GĦAWDEX LI TFAKKAR IL-MITT SENA MIT-TWELID TA’ DUN MIKIEL AZZOPARDI

PR0590
Date Icon 06/04/2010

Id-Dar tal-Providenza qed tfakkar il-mitt sena mit-twelid tal-fundatur tagħha, Mons. Mikiel Azzopardi, permezz ta’ wirja li qed tinżamm fis-Sala tal-Wirjiet fil-Ministeru għal Għawdex.

II-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono inawgurat din il-wirja, li ġiet imbierka mill-Isqof Emeritus t’Għawdex, Mons. Nikol Cauchi. Waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ, il-Ministru Giovanna Debono qalet li ħajjet dan il-qassis filantropu kbir hija xhieda ħajja tal-fidi li huwa kien iħaddan, kif ukoll tas-sens altruwistiku u soċjali qawwi li bih huwa wettaq il-missjoni tiegħu. Kienet missjoni li wasslet biex inbidlet il-mentalità u l-atteġġjament tas-soċjetà Maltija u Għawdxija fil-konfront ta’ persuni b’diżabilità. Il-Ministru Debono żiedet tgħid li issa rridu nkunu aħna li nibqgħu nsostnu l-opri ta’ Monsinjur Azzopardi bl-għajnuna materjali, biex b’hekk ikunu jistgħu jibqgħu jintlaħqu l-għanjiet nobbli li għalihom ġiet imwaqqfa d-Dar tal-Providenza.

Tkellem ukoll Dun Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, li semma r-rabta kbira li Monsinjur Azzopardi kellu ma’ Għawdex. Huwa fisser kif Mons. Mikiel Azzopardi kien iħares lejn il-persuna b’diżabilità bħala persuna umana li għandha dritt tgawdi l-istess drittijiet fundamentali li tgawdi kull persuna oħra fid-dinja. Kien għalhekk li Mons. Azzopardi beda jaħdem biex dawn il-persuni jikbru fl-umanità tagħhom u jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà. Dun Martin Micallef saħaq li għad hemm il-bżonn li kemm is-soċjetà ċivili kif ukoll il-Knisja f’Malta jkomplu jedukaw lill-poplu biex iħarsu b’mod aktar pożittiv lejn il-persuni b’diżabilità.

F’din il-wirja wieħed jista’ japprezza ritratti li jixhdu l-ħajja ta’ Monsinjur Azzopardi minn ħajtu sa mewtu, kif ukoll abiti sagri tiegħu, il-kuruna tar-rużarju, statwetti kif ukoll ittri li kien jirċievi.

Din il-wirja hija l-istess waħda li ttellgħet fil-belt Valletta fi Frar li għadda, proprju fil-ġimgħa li kien qed jitfakkar għeluq snin Dun Mikiel Azzopardi, u se tkun miftuħa sal-Ħamis 15 ta’ April bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa, mit-8.30 a.m. sa l-4.30 p.m.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow