SITT ATTIVITAJIET KULTURALI MILL-KUNSILLI LOKALI MATUL APRIL
Festival Medjevali fl-Imdina, Wirja tal-Artiġjanat, Snajja’ u Kultour bit-Tram f’San Ġwann, Festa tar-Rebbiegħa f’Ħal Qormi, Ilwien ir-Rebbiegħa fiż-Żebbuġ Għawdex, Festival tan-Nar tal-Art fil-Floriana u Wirja ta’ Xogħol Agrarju u Tradizzjonijiet Maltin f’Ħad-Dingli, huma l-attivitajiet kulturali li se jittellgħu mill-kunsilli lokali matul ix-xahar ta’ April. Dawn l-attivitajiet qed isiru taħt l-Iskema Attivitajiet Kulturali, ko-finanzjata mis-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali u mill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu.
Dawn huma biss sitt attivitajiet minn 54 attivita’ li se jsiru fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex matul din is-sena. L-attivitajiet qed jiġu maqsuma fuq żewġ weekends minħabba li fl-ewwel weekend tax-xahar kien ċelebrat l-Għid il-Kbir filwaqt li fit-tielet weekend se jżur Malta l-Q.T. il-Papa Benedittu XVI. L-attivitajiet organizzati mill-kunsilli lokali ta’ San Ġwann u Ħad-Dingli qed isiru għall-ewwel darba.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, l-Onor. Chris Said qal li kif wieħed jista’ jara, l-firxa ta’ attivitajiet fil-lokalitajiet differenti jkopru ħafna aspetti tal-identita’ Maltija u Għawdxija. Fil-fatt l-attivitajiet ikopru t-tradizzjonijiet, il-folklor, l-agrikoltura, il-kċina, l-istorja, l-arti tal-logħob tan-nar u l-kultura. Chris Said qal li flimkien, dawn l-attivitajiet jagħtu stampa ta’ dak kollu li jagħmilna Maltin.
Is-Segretarju Parlamentari qal li permezz ta’ dawn l-attivitajiet, il-kunsilli lokali qed jifhmu l-importanza kbira tal-kunċett tal-identita’ u tal-bżonn li din mhux biss tiġi mħarsa, imma tiġi wżata biex tagħmel attrazzjoni minn kull lokalita’ f’Malta u Għawdex.
Chris Said kompla li llum il-kunsilli lokali mhux biss fehemu dan, iżda qed iġibu magħhom l-għaqdiet u s-soċjetajiet tal-lokalitajiet, flimkien ma’ mijiet ta’ voluntiera sabiex jaħdmu flimkien u jilħqu livelli dejjem ogħla. Permezz ta’ dan, ir-residenti qed iħossuhom aktar parteċipi f’dak li jorganizza l-kunsill lokali u huma wkoll qed jifhmu l-importanza tal-ħarsien tal-identita’ u tal-wirt storiku u kulturali ta’ kull lokalita’. Chris Said qal li dawn l-attivitajiet qed irabbu sens ċiviku qawwi u anki sens ta’ kburija bil-karatteristiċi ta’ kull lokalita’.
Is-Segretarju Parlamentari semma wkoll kif l-attivijiet kulturali għandhom importanza kbira ekonomika għal-lokalitajiet għax permezz tagħhom mhux biss tingħata ħajja lill-bliet u rħula Maltin, iżda wkoll, grazzi għall-eluf li jżuru l-attivitajiet, tkun qed tingħata spinta lis-settur kummerċjali.
Chris Said spjega kif dawn l-attivitajiet qed isiru waqt dawk hekk imsejjħa “shoulder months” sabiex tingħata spinta lit-turiżmu, kemm intern u kemm estern, f’dawk ix-xhur mhux tradizzjonalment abbinati mat-turiżmu f’pajjiżna. Dan jgħin biex Malta tkompli ssir destinazzjoni turistika matul is-sena kollha.
Chris Said innota b’sodisfazzjon li l-kunsilli lokali li pparteċipaw fl-iskema is-sena l-oħra, qed jerġgħu jagħmlu dan bi prodott aħjar; filwaqt li oħrajn bħal San Ġwann u Ħad-Dingli għarfu l-vantaġġi tal-Iskema u qed jipparteċipaw għall-ewwel darba. Dan kollu jgħin biex id-destinazzjonijiet turistiċi f’pajjiżna ma jibqgħux biss dawk tradizzjonali, iżda jinfirxu mal-pajjiż kollu.
… / Lista ta’ attivitajiet
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990